Valletta jiksbu rebħa kbira fid-Derby kontra Floriana

Valletta 4 - 1 Floriana

Valletta kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 fid-derby tant mistenni kontra Floriana fejn huma ddominaw il-logħba mill-bidu sal-aħħar. B’hekk huma żammew il-pass mal-leaders Hibernians għalkemm għandhom distakk ta’ xejn inqas minn 12-il punt. 

Il-Beltin kellhom bidu perfett fejn fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti logħob grazzi għal Lateef Elford-Alliyu li permezz ta’ daqqa ta’ ras għeleb lil Tyrone Gauci wara li rċieva minn kross mix-xellug. 

L-istess plejer irdoppja l-iskor fil-41 minuta meta minn kross ta’ Abdelkarim Nafti, l-attakkant Niġerjan għeleb lil Tyrone Gauci permezz ta’ daqqa ta’ ras oħra. 

Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, Valletta ssiġġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet gowl meta Abdelkarim Nafti rċieva tajjeb minn pass ta’ Hamza Barry qabel tefa’ ġewwa mill-viċin. Floriana resqu viċin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor fl-54 minuta permezz ta’ rovexxata ta’ Steve Bonnici iżda l-ballun ġie mdawwar f’korner minn Nicky Vella. Madankollu mas-siegħa logħob, Valletta kabbru l-vantaġġ tagħhom meta Lateef Elford-Allyu skorja penalty biex b’hekk skorja tripletta personali f’din il-logħba, liema penalty ġie ordnat mir-referi Philip Farrugia wara li plejer ta’ Floriana mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Fil-75 minuta freekick ta’ Gary Muir għal Floriana għadda jħakkek mal-lasta iżda minuta biss wara l-Greens skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni permezz tal-plejer mis-Slovenja Vito Plut li llobbja l-ballun minn fuq Nicky Vella minn tarf il-kaxxa. 

Valletta - Vella, Caruana (Kooh Sohna 76’), Azzopardi, Borg (Dimech 55’), Camilleri, Fenech, Briffa, Elford-Alliyu, Barry, Bajada, Nafti (Faria 62’)

Floriana - Gauci, Aguiar, Moreira Cobo (Samb 46’), Pisani, Clyde Borg, Plut, Piciollo, Briffa, Farrugia (Conor Borg 46’), Muir, Bonnici

Referi - Philip Farrugia

Hamza Barry

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Twieled fit-3 ta’ Mejju 1994 fil-Gambja

Għalkemm ma rnexxilux isib ix-xibka, kien l-aqwa plejer fil-grawnd

Jilgħab f’nofs il-grawnd

Qabel ingħaqad ma’ Valletta kien jilgħab ma’ Gambia Ports Authority

More in Sports