L-MFPA tingħata l-istatus tas-sħubija sħiħa fl-Assemblea Ġenerali Annwali tal-FIFPro

“Aħna kuntenti li wara kważi erba’ snin aħna issa ġejna aċċettati bħala membri sħaħ tal-FIFPro"

Rappreżentanti tal-Malta Football Players Association, Carlo Mamo u Konrad Sultana flimkien ma’ Mark Barbara, attendew għall-Assemblea Ġenerali tal-FIFPro. Din is-sena l-Assemblea Ġenerali tal-FIFPro saret bejn is-27 u t-30 t’Ottubru ġewwa Tokjo, l-belt kapitali tal-Ġappun.

Flimkien ma’ Malta, żewġ pajjiżi oħra kienu aċċettati bħala membri sħaħ, il-Gwatemala (AFG) u l-Venezwela (AUFPV). Il-membri l-ġodda ffirmaw ftehim affiljazzjoni li jippromwovi l-valuri tal-FIFPro bħal-lealtà, integrità, il-ġustizzja kif ukoll il-prinċipji ta’ governanza tajba, trasparenza fil-komunikazzjonijiet, proċessi demokratiċi, kontrolli u bilanċi, solidarjetà u r-responsabbiltà soċjali korporattiva.

Żewġ pajjiżi oħra, Botswana u l-Każakstan ġew elevati għall-kandidati membri, li huwa pass wieħed bogħod milli jsir membru sħiħ tal- FIFPro. Barra minn hekk, il-Ġorġja, il-Kenja, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel u t-Tuneżija ġew rikonoxxuti bħala osservaturi.

Carlo Mamo, Segretarju Ġenerali tal-MFPA u wieħed mill-fundaturi tal-assoċjazzjoni kkummenta dwar din il-kisba: “Aħna kuntenti li wara kważi erba’ snin aħna issa ġejna aċċettati bħala membri sħaħ tal-FIFPro."

Dan se jippermettielna li nieħdu sehem fl-inizjattivi kollha tal-FIFPro, li eventwalment tgħinna biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-futbolers f’Malta. F’Jannar delegati tal-FIFPro se jkunu jżuru Malta biex jiddiskutu flimkien mal-UEFA, l-MFA u l-MFPA l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti minimi li l-kuntratti kollha tal-futbol se jkollhom jaderixxu magħhom mill-istaġun li jmiss. 

Nixtieq nirringrazzja lill-membri kollha tagħna, għax bl-appoġġ tagħhom dan kollu seta’ jkun possibbli. L-għan tagħna huwa li ntejbu l-kundizzjonijiet tal-plejer, kif ukoll il-logħba tal-futbol lokali b’mod ġenerali. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-maġġoranza tal-klabbs Maltin u l-MFA, għax wara xi diffikultajiet inizjali llum il-partijiet interessati kollha, inklużi l-klabbs rikonoxxuti li għandna nkunu jaħdmu flimkien u mhux kontra xulxin għall-benefiċċju tal-logħba lokali.

Il-kungress kien indirizzat mill-mistiedna speċjali inklużi rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja 1978 Osvaldo Ardiles, l-eks plejer li lagħab fil-Kampjonat Premier Ingliż, Jason Roberts u John Abbott, mill-Interpol. Diversi temi ġew diskussi matul din l-Assemblea Ġenerali inkluż arretrati u nuqqas ta’ ħlasijiet lill-plejers u r-rispett tal-kuntratti, plejers mixtrija u akkwistati minn terzi persuni, razziżmu u l-bidla fis-sistema ta’ trasferimenti. 

Tnediet ukoll kampanja kontra l-match fixing, - “Recognise, Resist, Report – Say No To Match-Fixing” b’kollaborazzjoni bejn il-FIFPro, il-FIFA u l-Interpol. Il-Kungress Annwali s-sena d-dieħla se jsir f’Amsterdam, id-dar tal-FIFPro biex jiċċelebraw il-50 sena anniversarju tal-FIFPro.

More in Sports