Mellieħa waħedhom fil-quċċata u Mdina Knights jieħdu l-ewwel rebħa fil-Kampjonat

Kienu Lija li fetħu l-iskor wara ħames minuti logħob

Azzjoni mil-logħba bejn Mellieħa u Lija Athletic
Azzjoni mil-logħba bejn Mellieħa u Lija Athletic

Mill-kampjonat tal-ewwel diviżjoni tal-futsal, il-logħba li ġibdet l-aktar attenzjoni, kienet dik bejn Mellieħa u Lija Athletic li kienu fil-quċċata tal-klassfika. Iż-żewġ timijiiet kienu ġejjin minn mixja ferm pożittiva, b’ħames rebħiet minn ħames logħbiet. Kien ukoll il-konfront bejn l-ogħla markaturi, Nikolay Filipov ta’ Mellieħa u Aleksander Ribic ta’ Lija Athletic.

Kienu Lija li fetħu l-iskor wara ħames minuti logħob permezz ta’ Aleksander Ribic. Ħames minuti wara Nikolay Filipov ġab il-parità, biex għaxar minuti wara reġa’ kien Aleksander Ribic li għamilhom 2-1 għal Lija.

Fit-12-il minuta, Darren Aitchinson għamilhom 2-2. Mellieħa skurjaw aktar gowls permezz ta’ Robert Magro u żewġ gowls oħra ta’ Nikolay Filipov.

Minn naħa l-oħra għal Lija Athletic kellna gowl ieħor ta’ Aleksander Ribic, doppjetta ta’ Adrian Marin u gowl ta’ Michael Mizzi. F’din il-logħba ġew reġistrati ħames karti sofor, fejn anki l-gowlkiper ta’ Lija Stefan Vella ntwera l-karta l-ħamra wara li rċieva żewġ karti sofor.

Fl-aħħar nofs minuta, meta l-logħba dehret li se tintemm bl-iskor ta’ 6-6, Lija fallew minn freeshot. Mill-istess azzjoni kellna deċiżjoni kontroversjali, fejn ingħata freeshot lil Mellieħa u Nikolay Filipov mill-10 metri poġġa lil Mellieha fil-vantaġġ.

Meta kien fadal biss ħames sekondi, Nikolay Filipov irċieva ballun tajjeb, qabeż il-plejer fil-ġirja u qabeż ukoll lill-gowlkiper Andrew Anthony Agius ta’ Lija, sabiex poġġa għal darb’oħra l-ballun fix-xibka għall-iskor finali ta’ 8-6.

Mill-ewwel diviżjoni wkoll, kellna l-ewwel rebħa wara sitt logħbiet ta’ Mdina Knights.

Mdina mill-ewwel bdew tajjeb u riedu din ir-rebħa akkost ta’ kollox.

Wara żewġ minuti Renald Portelli fetaħ l-iskor, segwit minn żewġ gowls ta’ Cleaven Portelli fit-tielet u fis-seba’ minuta.

Fit-tmien minuta, Msida ħadu nifs permezz ta’ Matthew Dingli li naqqashom għal 3-1.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, reġgħu kienu Renald u Cleaven Portelli li skurjaw għall-Mdina. Mat-tmiem tal-ewwel taqsima wasal il-gowl Misidjan ta’ Noel Portelli, li għamilhom 5-2.

Matul it-tieni taqsima waslu aktar gowls għall-Msida permezz ta’ doppjetta għal Joel Grima u gowl ta’ Ryan Xuereb.

Mdina baqgħu jiskurjaw permezz ta’ Shaun Deguara u għal darb’oħra Cleaven Portelli għar-raba’ darba sab ix-xibka u ssiġilla r-rebħa ta’ 7-5 fuq Msida.

Mill-ewwel diviżjoni kellna wkoll dawn ir-riżultati:

Mqabba vs Qrendi 6-5

Sirens vs Naxxar 2-5

Siġġiewi vs Attard 3-8

Intant, mill-Kampjonat Premier, Balzan u Luxol ikomplu jirbħu u jżommu posthom fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Luxol għelbu lill-Mosta bl-iskor ta’ 11-4, Valletta għelbu lill-Mosta bl-iskor ta’ 4-1, Balzan kellhom rebħa komda ta’ 8-0 fuq Żebbuġ u fl-aħħarnett Ħamrun għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 4-2.

More in Sports