Chris Cassar jirbaħ l-unur tal-Ġerrej tax-Xahar

Sal-Ħadd li għadda Chris kien rebaħ total ta’ 10 tiġrijiet u daħal 40 darba mit-tieni sar-raba’ post

Chris Cassar fl-azzjoni fuq iż-żiemel tiegħu Original Blue
Chris Cassar fl-azzjoni fuq iż-żiemel tiegħu Original Blue

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija waqt il-programm ta’ tiġrijiet fil-Korsa tal-Marsa saret il-preżentazzjoni ta’ tifkira lil Chris Cassar li ġie magħżul bħala l-ġerrej tax-xahar għal Ġunju li għadda. Din il-preżentazzjoni ma kinitx saret qabel peress li l-istaġun tat-tiġrijiet kien wieqaf.

Chris Cassar huwa minn Ħal Qormi u għandu 34 sena. Ilu bil-liċenzja tas-sewqan mal-Malta Racing Club mis-sena 1999 u fil-fatt l-ewwel darba li saq f’tiġrija uffiċjali kien nhar l-4 t’April 1999 biż-żiemel Count Launcher. Però kellhom jgħaddu ftit aktar minn 10 snin sabiex irreġistra l-ewwel rebħa tiegħu u din kienet biż-żiemel Jean Perrine nhar id-19 ta’ Ġunju 2009.

Sal-Ħadd li għadda Chris kien rebaħ total ta’ 10 tiġrijiet u daħal 40 darba mit-tieni sar-raba’ post.

Matul ix-xahar ta’ Ġunju Cassar saq erba’ tiġrijiet fejn ħareġ rebbieħ darbtejn u spiċċa darba t-tieni u darba r-raba’. Waħda mir-rebħiet kienet biż-żiemel Panda des Fleches fil-finali tal-Kampjonat sponsorjat mill-Assoċjazzjoni Franċiża tat-Trott għall-Klassi Silver il-Prix de Cabourg. Nhar il-Ħadd li ġej Chris Cassar jerġa’ jkun fl-azzjoni fil-Finali tat-Tazza tal-President biż-żiemel tiegħu stess Original Blue.

L-għażla għall-ġerrej tax-xahar tiġi deċiża mill-Kunsill tal-Malta Racing Club wara li l-ġurnalisti sportivi preżenti waqt it-tiġrijiet jissottomettu n-nominazzjonijiet tagħhom.

Din it-tifkira ġiet sponsorjata minn M.Demajo (Wines & Spirits) Ltd u l-prodott tagħhom Johnnie Walker Whiskey grazzi għal Alfred Braddick li huwa l-Marketing Manager tal-Kumpanija.

More in Sports