Riżultati tajbin fit-tlielaq tal-ġiri għal Keith Galea

Galea spiċċa t-tellieqa fil-ħames post f’ħin ta’ 16.46

Keith Galea fl-azzjoni
Keith Galea fl-azzjoni

Wara li rebaħ il-kampjonat tat-Triathlon għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu, iċ-champion ta’ Malta tat-Triathlon, Keith Galea, kompla jtellaq fit-tlielaq tal-ġiri fejn irnexxielu jġib riżultati tajbin ħafna. Ġimgħa wara l-Kampjonati tat-Triathlon, Galea ħa sehem fl-ewwel tellieqa tal-MAAA Road Running League. Din it-tellieqa kienet twila 5km li saret ġewwa s-Siġġiewi. Minkejja li ma kienx għadu rkupra biżżejjed mill-Kampjonati tat-Triathlon, Galea spiċċa t-tellieqa fil-ħames post f’ħin ta’ 16.46.

Ġimgħa wara din it-tellieqa, nhar is-26 ta’ Ottubru, Galea ħa sehem fil-Garmin 10km li ġiet organizzata mill-Mellieħa AC ġewwa l-Qawra. Hawnhekk Galea għamel tellieqa sħiħa jissielet għat-tieni post imma fl-aħħar 3km ma setax ikompli jżomm il-pass biex spiċċa t- tellieqa fir-raba’ post f’ħin ta’ 34.48.

Ftit jiem wara din it-tellieqa Galea ħa sehem fil-University Ring Road 5km u fil-University Ring Road 5km Relay li ġew organizzati mill-Malta University Sports and Leisure li hija fergħa tal-Malta University Holding Company, b’risq il-Malta Hospice Movement. Keith Galea rebaħ it-tellieqa tal-5km f’ħin ta’ 16.45 fejn kiser ir-rekord tal-korsa. Ħuh Dermot spiċċa fit-tieni post f’ħin ta’ 17.23. Fir-relay, it-tim ta’ DGtri ‘A’ li inkluż fit-tim kien hemm l-aħwa Galea ddomina din it-tellieqa.

Nhar il-Ħadd 2 ta’ Novembru, Galea ħa sehem fit-tieni tellieqa tal-MAAA Road Running League. Din it-tellieqa kienet twila 5km ukoll li saret ġewwa l-Maqluba. Hawnhekk Galea kellu riżultat vera pożittiv fejn spiċċa fit-tielet post qalb l-aqwa atletli ta’ Malta f’ħin rekord personali ta’ 16.13.

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal Galea qal li jinsab sodisfatt ħafna b’dawn ir-riżultati speċjalment l-aħħar tnejn fejn kellu prestazzjonijiet li ma kienx qed jistenniehom daqshekk tajbin. Keith ilu jtellaq kull ġimgħa minn nofs Settembru u wara l-kampjonat waqgħet għejja kbira fuqu. Peress li s-sena d-dieħla se jiffoka naqra iktar fuq il-ġiri, kellu bilfors jagħmel dawn it-tlielaq u allura kellu jtawwal l-istaġun tiegħu b’xahar. Fl-ewwel żewġt itlielaq kien għadu għajjien mill-isforzi li għamel fit-triathlons ta’ qabel imma xorta waħda huwa jinsab sodisfatt ħafna għax kiseb riżultati tajbin ħafna qalb l-aqwa atleti ta’ Malta.

Issa Galea se jieħu perjodu żgħir ta’ mistrieħ u wara jerġa’ jibda t-taħriġ intensiv tiegħu għas- sena d-dieħla. Galea jixtieq jirringrazzja lill-kowċ tiegħu Dermot Galea, lill-kowċ tal-għawm, Catalin Stan, lill-isponsors Garmin Malta, BBB Bike Parts Malta, Jaycee Malta, Challenge Malta Marathon u Starbene 24/7, lill-ġenituri tiegħu, lill-ġenituri tal-mara, lill-klabb tiegħu Birkirkara St Joseph, lill-Malta Triathlon Federation u lill-Kumitat Olimpiku Malti, tal-appoġġ kollu li jagħtuh. Fl-aħħar nett huwa xtaq jirringrazzja lill-mara tiegħu tal-paċenzja u l-appoġġ kbir li jagħtih ta’ kuljum.

More in Sports