Ir-riġenerazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq

Preżenti għall-iffirmar kien hemm delegazzjoni mill-ASA immexxija mill-President Joe Caruana Curran u diretturi fil-Bord tal-KMS

Ħajja ġdida għall-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq
Ħajja ġdida għall-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq

Wara snin ta’ stennija kien iffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Aquatic Sport Association (ASA) fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius. Il-ftehim fost l-oħrajn jinkludi fih klawsoli dwar użu garantit tal-pixxina nazzjonali, saħħa li jikkordinaw mal-klabbs, clubhouses għall-klabbs li huma parti mill-ASA u użu ta’ boardroom fost l-oħrajn

Waqt l-istess konferenza ngħataw ukoll dettalji dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni li għaddej fil-pixxina biex din tkun riġenerata wara li tħalliet f’sitwazzjoni mwiegħra. “Il-pixxina nazzjonali tal-Qroqq m’għandhiex tibqa’ l-pjaga finanzjarja tal-isport Malti imma ssir il-qalba.” Dan qalu r-rappreżentant tal-KMS Mark Cutajar li spjega kif ix-xogħol li qed isir fil-pixxina seta’ jseħħ biss permezz ta’ sforz kollettiv minn dawk kollha kkonċernati. Fost l-oħrajn, kompla Cutajar, saru t-testijiet neċessarji fuq il-binja tal-kumpless innifsu, se jinbidlu hand railings, l-istarting blocks, tibdil ta’ aperturi u użu ta’ dawl aktar sostenibbli.

Indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil, li spjega kif l-isport tal-għawm jikkontribwixxi ferm fit-turiżmu sportiv f’pajjiżna. Huwa kompla jgħid li l-KMS għandu skema speċifika li tindirizza dan il-għan, però din se tkun mogħtija libsa ġdida fil-jiem li ġejjin. Busuttil qal kif s’issa fl-2014 kienu 29 l-entitajiet sportivi u 39 l-avvenimenti internazzjonali li kienu ospitati f’pajjiżna li bbenefikaw minn din l-iskema. Dawn sarrfu f’68,400 bednight li hi ċifra kbira meta mqabbla mal-miljun turist li hu stmat li waslu f’pajjiżna sa issa.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif ir-riġenerazzjoni tal-pixxina kienet minn dejjem fuq l-aġenda tal-Gvern tant li hi mniżżla wkoll fil-manifest elettorali. Huwa b’impenn u għaqal li dan il-Gvern qed ikompli jilħaq il-miri li għandu. Chris Agius spjega kif inġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex il-pixxina jkollha żewġ pompi tas-sħana għall-pool u anke għad-dive pool, sistema ta’ arja kkundizzjonata VRF, Solar Collectors u Pool Covers biex tkun waħda aktar sostenibbli.

Il-Gvern jifhem li din il-pixxina qed tintuża fil-massimu tagħha. Kien għalhekk li ftit tal-jiem ilu kien iffirmat kuntratt mal-klabb ta’ Neptunes li fost il-klawsoli jgħid li ċerti sessjonijiet isiru fil-pixxina tagħhom sabiex il-punt ta’ saturazzjoni li laħqet il-pixxina nazzjonali jkun dilwit bejn tnejn. Chris Agius għalaq l-intervent tiegħu billi spjega li wegħda elettorali oħra hi dik li jkun hawn pixxina msaqqfa u li din hija mira oħra li se jkun qed jaħdem fuqha fil-futur qrib.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm delegazzjoni mill-ASA immexxija mill-President Joe Caruana Curran u diretturi fil-Bord tal-KMS.

More in Sports