“Sodisfatt b’dak li rajt fl-aħħar xahar mit-tim nazzjonali tal-waterpolo” - Karl Izzo

Karl Izzo, il-kowċ tat-tim nazzjonali jitkellem dwar is-suċċess tat-tim

It-tim nazzjonali tal-waterpolo li ħa sehem b’suċċess fil-Malta International Cup 2014
It-tim nazzjonali tal-waterpolo li ħa sehem b’suċċess fil-Malta International Cup 2014

Ftit tal-jiem ilu t-tim nazzjonali tal-waterpolo kompla jikseb suċċess hekk kif rebaħ il-Malta International Cup. Dan il-ġurnal għamel kuntatt mal-kowċ tal-istess tim nazzjonali, il-ferm ħabrieki Karl Izzo biex jagħtina iktar dettalji rigward dan kollu. 

Huwa tenna li: “Il-preparazzjoni għal dan it-turnament bdiet fil-15 ta’ Settembru. Intgħażlu plejers ġodda peress li xi plejers fl-iskwadra rebbieħa tal-medalja tal-fidda ġewwa Aberdeen fl-Iskozja ma kinux disponibbli 100% - imma kienet ukoll ix-xewqa tiegħi li nintroduċi plejers li qatt ma kienu lagħbu man-nazzjonal biex inkun nista’ narahom fl-azzjoni kontra oppożizzjoni iebsa biex ukoll nibda nara min minnhom jista’ jieħu post xi plejer stabbilit fl-ewwel turnament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropei li l-finali tagħhom se jsiru ġewwa Belgrad fis-Serbja f’Jannar tal-2016. 

Plejers li ma kinux inklużi fl-iskwadra minħabba raġunijiet varji ta’ xogħol / studju u impenji barra minn Malta bħal fil-każ ta’ Stevie Camilleri kienu John Brownrigg, Jerome Gabarretta u Timothy Sullivan ta’ Sliema, Jordan Camilleri, Stevie Camilleri u Michele Stellini ta’ Neptunes, Dean Camilleri ta’ San Ġiljan. Plejers bħal Peter Borg ta’ Exiles, Nikolai Lubrano ta’ Sliema u Daniel Paolella ta’ Valletta kienu mistoqsija biex jagħmlu parti mill-iskwadra imma rrifjutaw għal raġunijiet varji imma konkreti. Plejers żgħażagħ bħal Nicholas Bugelli ta’ Sliema u Matteo Cacici ta’ Neptunes qegħdin fil-mument jilagħbu barra minn Malta u għaldaqstant ma setgħux ikunu preżenti għat-taħriġ u l-logħob.

It-turnaments ta’ kwalifikazzjoni se jsiru fi Frar, Mejju u Ottubru tal-2015.

It-turnament li rbaħna kien l-ewwel minn tnejn li konna se nipparteċipaw fih qabel il-plejers jingħataw mistrieħ mistħoqq f’Novembru u Diċembru – fil-fatt taħt l-isem Valletta l-istess plejers ħadu sehem f’turnament tal-Len Cup li saret f’Malta wkoll bejn it-30 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru. Għal dan it-turnament kien hawn preżenti f’pajjiżna timijiet ta’ klabb bi storja kbira fil-waterpolo mondjali bħal m’huma Primorac Kotor (Montenegro) Mornar Split ( Kroazja), Montpellier (Franza) u Steaua Bucharest (Rumanija). 

It-timijiet mistiedna għall-Malta International Cup kienu t-timijiet nazzjonali tal-Isvizzera, l-Irlanda u t-timijiet tal-klabbs Taljani 7 Scogli li magħhom qed jilgħab issa l-plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri u t-tim ta’ Livorno. 

Kienu oppożizzjoni tamparna u kien ċans perfett biex plejers bla ebda esperjenza internazzjonali jieħdu esperjenza meħtieġa. Fost plejers ġodda li għamlu d-debutt man-nazzjonal f’dan it-tournament kien hemm Sean Xerri De Caro, Marc Lanzon, Miguel Zammit tan-Neptunes, Kai Dowling, Andreas Galea, Keith Galea u Ben Plumpton (l-iżgħar plejer fl-iskwadra hekk kif għandu biss 16-il sena) ta’ San Ġiljan, Marc Grech, Niki Grixti u Zac Mizzi ta’ Sirens, Christian Cluett ta’ Sliema u Michael Rizzo ta’ Valletta. Kien hemm ukoll mgħajta fl-iskwadra inizjali imma ma tawx sehemhom f’dan it-turnament il-plejers Michael Spiteri Staines ta’ Valletta, Michele Mifsud u Zac Sciberras ta’ Sliema. 

Plejers ta’ esperjenza fit-tim nazzjonali bħal Niki Lanzon, Alan Borg Cole, Matthew Zammit, Clint Mercieca, Dino Zammit, Alex Attard, Mark Meli u Ryan Sciortino kienu importanti biex għenu liż-żgħażagħ il-ġodda jintegraw bis-sħiħ fit-tim.

Jien ninsab sodisfatt immens b’dak li rajt fl-aħħar xahar mit-tim nazzjonali tal-waterpolo u fl-erba’ rebħiet minn erba’ logħbiet, kelli indikazzjonijiet pożittivi fuq l-utilizzazzjoni ta’ ċerti plejers ġodda u dan jawgura tajjeb ħafna għall-futur tal-waterpolo Malti. 

Ta’ min isemmi l-logħob u t-tmexxija mill-ilma tal-captain Niki Lanzon li kien eżempju għall-plejers kollha - qalli li kien kuntent ħafna bil-prestazzjoni tal-plejers il-ġodda u ma ħasibx li kienu se juru dan il-logħob daqshekk tajjeb fid-debutt tagħhom mat-tim nazzjonali tal-kbar. Ta’ min isemmi wkoll il-prestazzjonijiet ta’ Matthew Zammit li rebaħ ukoll l-unur tal-MVP kif ivvutat mill-kowċis, kif ukoll il-prestazzjonijiet tajba ħafna ta’ Dino Zammit, Clint Mercieca li kienu fl-ilma għall-ħin twil tul il-logħob kollu, u tal-ġodda speċjalment Kai Dowling li kien strumentali b’viżjoni tal-logħba u gowls eċċellenti.  

Ben Plumpton, Andreas Galea, Zac Mizzi u Christian Cluett b’dawn it-tnejn tal-aħħar kienu jalternaw ma’ Matthew Zammit fiċ-ċentru kellhom mumenti tajbin ħafna u ta’ kuraġġ għalija għall-futur. Sean Xerri De Caro u Miguel Zammit niżżlu wkoll isimhom fuq l-iscore sheet filwaqt li Marc Grech u Alex Attard kienu sodi fid-difiża kif kien ukoll Marc Lanzon fil-mumenti li fihom kien fl-ilma. Ta’ min ifaħħar ukoll il-prestazzjonijiet tat-tliet goalkeepers Alan Borg Cole, Niki Grixti u Ryan Sciortino.

Ta’ min fl-aħħar isemmi l-prestazzjonijiet eċċellenti tal-plejer Malti Stevie Camilleri mat-tim Taljan ta’ 7 Scogli fejn spiċċa faċilment rebbieħ tal-unur personali tal-Aqwa Skorer tat-turnament. Apparti Matthew Zammit li rebaħ l-unur tal-MVP tat-turnament, Stevie Camilleri u Niki Lanzon kienu indubbjament l-aqwa plejers ta’ dan it-turnament,” temm jgħid Karl Izzo.

More in Sports