Illum issir l-Enduro f’Ta’ Qali

Illum se jkomplu l-attivitajiet mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2014/15

Philip Joe Vella fuq Opel Nova segwiet min Carlos Mifsud fuq Ford Fiesta u Philip Grima fuq Ford Escort
Philip Joe Vella fuq Opel Nova segwiet min Carlos Mifsud fuq Ford Fiesta u Philip Grima fuq Ford Escort

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) illum se tkompli bl-attivitajiet mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti 2014/15 billi s-sezzjoni tal-muturi Enduro se tkun qed torganizza t-tieni attività f’dan il-kampjonat. Din it-tiġrija din id-darba se ssir fil-kumpless sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u r-reġistrazzjoni tibda fl-10am.

Intant l-Assoċjazzjoni nhar il-Ħadd li għadda organizzat it-tieni attività bil-karozzi Autocross li minkejja li filgħodu kien qed jiddomina l-maltemp, l-Assocjazzjoni xorta wahda zammet l-attivita kif kien ippjant. L-attivita bdiet b’quddiesa li ASMK qed torganizza kull sena b’rispett lejn dawk il-membri li marru fl-eternità. It-tiġrijiet bdew fil-11am fuq korsa perfetta li offriet spettaklu ta’ sewqan sportiv iżda minkejja dan ħadd mill-kompetituri ma rnexxielu jirbaħ il-heats kollha tal-ġurnata.

Għall-finali ta’ Klassi A ikkwalifikaw Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo, Melo Zammit u Manuel Muscat fuq Opel Corsa, Philip Joe Vella u Keith Borg fuq Opel Nova u Christian Apap fuq Ford Fiesta. Mat-tluq ta’ din il-finali rajna lil Muscat jieħu mill-bidu t-tmun tat-tiġrija. Dan kien segwit minn Apap u Vella. Wara l-ewwel dawra bdejna naraw l-azzjonijiet fejn Zammit irnexxielu javvanza żewġ postijiet mir-raba’ post. Dan kien segwit minn Farrugia li wkoll għamel avvanz ta’ pożizzjoni waqt li Vella waqa’ lura għall-ħames post. Ftit wara t-tieni dawra Vella pprova jagħmel attakk fuq Farrugia u Apap bil-konsegwenza li spiċċa jmiss it-tyre barrier mal-ġenb tal-korsa u nqaleb. Ħin bla waqt ir-referi tal-ġurnata ordna li l-finali tieqaf minħabba raġuni ta’ sigurtà tas-sewwieqa.

Ftit tal-ħin wara sar re-start tal-istess finali fejn mat-tluq din id-darba rajna lil Galea jieħu t-tmun tat-tiġrija segwit minn Borg u Apap fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Matul dan ir-re-start ma rajna l-ebda tibdil ħlief li Muscat irtira minħabba ħsara mekkanika. Ir-riżultat finali kien li Galea rebaħ segwit minn Borg u Apap.

Għall-finali ta’ Klassi B ikkwalifikaw Karl Micallef u Duncan Delia fuq Ford Fiesta, Jason Martin fuq Volkswagen Polo, Godwin Martin fuq Opel Corsa, Philip Grima fuq Ford Escort u Carlos Mifsud fuq Ford Fiesta. Mal-ħruġ ta’ din il-finali rajna lil Micallef jieħu t-tmun tat-tiġrija segwit minn Jason Martin u Godwin Martin. Matul din il-finali s-sewwieqa kollha kienu qed jistennew dak il-mument li wieħed jista’ javvanza pożizzjoni. L-element ta’ kompetizzjoni dehret fejn ma kellna l-ebda tibdil u kulħadd żamm postu sal-aħħar bir-riżultat li l-pożizzjoni tal-karozzi spiċċat kif bdew fl-ewwel dawra b’Micallef jirbaħ it-tiġrija Klassi B segwit minn Jason u Godwin Martin. Delia, Grima u Mifsud irtiraw minħabba ħsara teknika.

Mis-Sezzjoni Gozo Autocross rajna lil Dominic Zammit fuq Alfa Sud jiddomina l-ġurnata segwit minn Joseph Agius fuq Ford Fiesta. Matul il-ġurnata Zammit spiċċa rebaħ il-heats kollha tal-ġurnata waqt li dejjem kien segwit minn Agius.

Fl-istess ġurnata t-tiġrija tal-muturi Motocross kellha titħassar minħabba raġuni ta’ sigurtà tas-sewwieqa għall-fatt li ma kienx xieraq li ssir it-tiġrija fuq korsa daqstant mifqugħa bit-tajn minħabba x-xita ta’ matul filgħodu.

Intant l-Attività l-oħra bil-karozzi Autocross mistennija tiġi organizzata nhar il-Ħadd 30 ta’ Novembru. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.asmk.org.mt

More in Sports