Rekord ta’ 31 tim jieħdu sehem fil-Kampjonat tal-M.E.S.A.

31 tim qegħdin jieħdu sehem fil-Kampjonat tal-Football tal-Malta Employees Sports Association dan l-istaġun

Il-logo uffiċjali tal-M.E.S.A.
Il-logo uffiċjali tal-M.E.S.A.

Rekord ta’ 31 tim qegħdin jieħdu sehem fil-Kampjonat tal-Football tal-Malta Employees Sports Association dan l-istaġun – żieda ta’ tliet timijiet fuq dawk li ħadu sehem l-istaġun li għadda. 

Il-Kampjonat se jerġa’ jkun maqsum fi tliet diviżjonijiet b’disa’ timijiet fl-Ewwel Diviżjoni u disa’ timijiet fit-Tieni Diviżjoni, filwaqt li 13-il tim se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tielet Diviżjoni.

Il-Malta Employees Sports Association kienet twaqqfet lura fis-snin 70, eżattament fl-1976, bl-isem ta’ Government and Parastatal Football Association. Maż-żmien din bidlet isimha fejn anke fetħet il-bibien tagħha għal diversi dixxiplini sportivi oħra, biex illum hija magħrufa bħala l-Malta Employees Sports Association.

It-tim tal-Forzi Armati ta’ Malta – rebbieħ tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni fl-aħħar sentejn – jibda bħala l-favorit għat-titlu ewlieni, imma mistenni jiffaċċja sfida denja minn timijiet bħall-Education u l-Bank of Valletta.

Fit-Tieni Diviżjoni jispikka l-fatt li se jkun hemm iż-żewġ timijiet tal-Pulizija flimkien mat-tieni tim tal-Forzi Armati li għandhom ikunu fost il-protagonisti fit-taqtigħa għall-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni. Fit-Tielet Diviżjoni t-taqtigħa tista’ tkun aktar ħarxa hekk kif jidher li m’hemmx favorit ċar b’uħud mit-timijiet il-ġodda jistgħu wkoll iħallu impatt fil-klassifika finali.

Il-logħob se jintlagħab fuq bażi ta’ 8-a-side fil-grawnds tal-Għargħur u Pembroke kull nhar ta’ Tlieta u Erbgħa waranofsinhar.

More in Sports