Midalja tad-deheb għal tim Malti fit-Turkija

Suċċess għat-tim nazzjonali tar-Raffa li ħa sehem fl-International Open Tournament tat-Turkija 

David u Reno Farrugia fl-azzjoni
David u Reno Farrugia fl-azzjoni

Suċċess għat-tim nazzjonali tar-Raffa li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Kemer ħa sehem fl-International Open Tournament tat-Turkija.

It-tim Malti kien kompost mill-aħwa David u Reno Farrugia assistiti minn Yacine Kafi rebaħ il-medalja tad-deheb. Wara li fl-ewwel fażi t-tim Malti għeleb lil Franza, Turkija, Alġerija, Latvja, Eġittu, Bulgarija, Svizzera u Slovakkja, fis-semifinali l-aħwa Farrugia għelbu u eliminaw lill-Ġappun. 

Fil-finali kontra t-Turkija, Malta ħarġet rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 12 - 3 sabiex irrepetew is-suċċess ta’ sena ilu bir-rebħ tal-medalja tad-deheb.

Fl-istess turnament internazzjonali, David u Reno Farrugia ħadu sehem fil-kompetizzjoni magħrufa bħala Volo li hija dixxiplina għal kollox ġdida għall-kompetituri Maltin. Madankollu fl-ewwel esperjenza tagħhom l-aħwa Farrugia rnexxielhom jirbħu l-medalja tal-bronż liema riżultat kien meqjus bħala sorpriża fost dawk preżenti.

Il-parteċipazzjoni tat-tim Malti għal dan it-turnament kienet possibli bl-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), kif ukoll tal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS).

More in Sports