Johan Attard jirbaħ it-tieni ranking tournament tal-Pool

Il-Malta Pool Association organizzat it-tieni serje ta’ turnaments ta' klassifikazzjoni

Il-Malta Pool Association organizzat it-tieni serje ta’ turnaments ta' klassifikazzjoni minn seba’ ppjanati matul dan l-istaġun. Johan Attard kiseb rebħa fil-kategorija tal-irġiel meta fil-finali għeleb lil Miguel Falzon bl-iskor ta’ 9-5. Grazzi għal din ir-rebħa Attard kiseb post fit-tim nazzjonali A li se jirrapreżenta lil pajjiżna fil-Kampjonati Ewropej li se jsiru f’Malta bejn il-15 u l-21 ta’ Frar. 

Scott Muscat rebaħ il-kategorija taż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena meta fil-finali għeleb lil Owen Amato. Wara li Muscat tilef l-ewwel erba’ frames huwa rkupra tajjeb ħafna tant li ħareġ rebbieħ bl-iskor finali ta’ 7-5. Fil-kategorija taż-żgħażagħ ta’ taħt it-23 sena ltaqgħu Owen Amato u Dejan Grech. Iż-żewġ plejers ipproduċew livell ta’ logħob għoli u bl-iskor ta’ 7-7 kellu jkun l-aħħar frame deċisiv li ta rebħa lil Dejan Grech. 

Il-finali tal-kategorija tal-irġiel akbar minn 50 sena laqqgħet lil Ray Caruana u Alfred Attard. Caruana kien f’forma brillanti u ma ta l-ebda okkażjoni lil Attard biex jirkupra biex kiseb rebħa ta’ 8-3. 

More in Sports