Tisħon il-qiegħa fil-futsal lokali

Matul il-ġimgħa li għaddiet, reġa’ rritorna l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-Futsal.

Azzjoni mil-logħba bejn Valletta u Gżira United fil-futsal
Azzjoni mil-logħba bejn Valletta u Gżira United fil-futsal

Qrendi kienu mpenjati darbtejn, fejn fl-ewwel logħba tal-ġimgħa għelbu lil Mdina Knights bl-iskor ta’ 4-2 u lejn tmiem il-ġimgħa, Qrendi sfaw megħluba minn Luqa bl-iskor ta’ 5-0.

Logħba oħra interessanti kienet dik bejn Naxxar Lions u Msida, li tat rebħa konvinċenti lil Naxxarin bl-iskor ta’ 6-3.

Lija Athletic ħadu r-raba’ rebħa minn erba’ logħbiet, meta għelbu lil Attard bl-iskor ta’ 5-1. B’hekk Lija baqgħu fl-ewwel post flimkien ma’ Mellieħa.

F’aktar logħbiet, Mqabba għelbu lil Siġġiewi bl-iskor ta’ 8-5, u B’bugia ġew megħluba minn Sirens bl-iskor ta’ 4-1.

Matul din il-ġimgħa kellna wkoll erba’ logħbiet mill-kampjonat Premier fejn Luxol u Balzan komplew iżommu posthom f’ras il-klassifika.

Luxol għelbu lill-Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 6-2, b’doppjetti ta’ Florin Anton u William Barbosa u gowl kull wieħed għal Celino Alves u Tarek Ibrahim. Il-gowls Ħamruniżi waslu mingħand Michael Spiteri u Rogeriod Dos Santos Filho.

Balzan batew mhux ftit meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 4-3. Wara ħames minuti Glenn Bonello fetaħ l-iskor għal Balzan. Iżda tliet minuti wara, f’temp ta’ erba’ minuti Mosta għamluhom 3-1, permezz ta’ Ryan Buhagiar, James Mangion u Timothy Gingell. Balzan mill-ewwel irrispondew u dawru telfa f’rebħa fl-istess l-ewwel taqsima b’gowls ta’ Boicho Marev, Marco Conti u għal darb’oħra Glenn Bonello.

Rebħa qawwija ta’ Valletta fuq Gżira bl-iskor ta’ 13-2. Il-protagonist prinċipali kien Denis Di Maio li skurja mhux anqas minn sitt gowls. Għal Valletta kellna wkoll doppjetta ta’ Xavier Saliba, gowls ta’ Cedric Sciberras, Brian Degura, Bryan Deguara, Dexter O’Brienu awtogowl ta’ Aurelio Burgio.  Iż-żewġ gowls ta’ Gżira waslu minn Luke Stivala u Alessio Restuccia.

Fl-aħħarnett Swieqi United għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 6-4. Għal Swieqi kellna tripletta ta’ Zvezdan Vukovic u gowls għal Fredrik Johansson, Dario Zampa u Andrew Sammut Alessi.

Qormi naqsu l-iskor permezz ta’ Allen Medati, Juan Carlos Veira Peixoto u doppjetta ta’ Blendi Gockaj.

More in Sports