Illum ikompli l-Kampjonat tal-Autocross u jibda dak tal-Motocross

Nhar il-Ħadd 9 ta’ Novembru l-ASMK se torganizza t-tieni attività bil-Muturi Enduro li se ssir fil-kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali

Bidu ta’ tiġrija tal-Autocross
Bidu ta’ tiġrija tal-Autocross

Illum l-‘Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi’ se torganizza attività oħra fil-Kumpless Sportiv tagħha f’Ta’Qali. Dawn it-tiġrijiet se jkunu parti mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2014/15. Bl-Autocross se tiġi organizzat it-tieni tiġrija tal-Kampjonat b’sewqan direzzjoni normali. Matul dan il-programm se jingħata bidu għall-Kampjonat tal-klassi ġdida ‘Autocross Standard’. 

Il-Ħadd beda wkoll il-Kampjonat tal-muturi Motocross.

Matul din il-ġimgħa l-Assoċjazzjoni reġgħet ġabet f’Malta l-espert tekniku tal-bini tal-korsa tal-Motocross. Angelo Cinquemani li bena t-trakka tal-Motocross mill-ġdid f’Jannar ta’ din is-sena mistenni jibqa’ Malta matul din il-ġimgħa biex ikompli jara l-bżonnijiet tas-sezzjoni Motocross flimkien mas-sewwieqa. Dan se jkompli jsaħħaħ il-kompetituri preżenti anki għall-Kampjonat FMI kif ukoll dawk is-sewwieqa futuri li mistennija jibdew f’dan l-isport.

Wara s-suċċess li kellna mis-sewwieqa Motocross permezz tal-korsa kif irranġaha Cinquemani f’diversi setturi llum rajna li l-kompetituri li huma liċenzjati biex isuqu barra l-pajjiż, ġabu u qed iġibu riżultati ħafna aħjar minn qatt qabel u dan grazzi għal dan l-investiment li l-Assoċjazzjoni għamlet u qed tagħmel b’għajnuna ta’ diversi entitajiet u sponsors li dejjem issapportjaw l-Għaqda ASMK fi proġetti bħal dawn. Fost dawn li taw għajnuna hemm il-Kunsill Malti għall-Isport, il-Kumitat Olimpiku Malti, Philip Agius & Sons u Carmel Vella & Sons.

Intant qabel tibda l-attività tal-lum, l-ASMK se tkun qed torganizza Quddiesa fil-Korsa ta’ Ta’ Qali. Din issa daħlet fil-kalendarju sportiv tal-Assoċjazzjoni u darba fis-sena fix-xahar ta’ Novembru norganizzaw Quddiesa għal dawk il-membri li qegħdin ħdejn il-Mulej. F’din il-ġurnata l-Assoċjazzjoni se tkun qed torganizza l-attività ta’ nhar il-Ħadd bħala ġurnata ta’ luttu b’rispett lejn l-eks Membru tal-Kumitat Eżekuttiv u eks sewwieq tal-Karozzi Autocross, Gian Patist Azzopardi li miet fl-inċident li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fl-Imtarfa. L-Assoċjazzjoni tagħti l-kondoljanzi lill-familja Azzopardi.

L-Assoċjazzjoni ħabbret ukoll żewġ dati oħra importanti. Nhar il-Ħadd 9 ta’ Novembru l-ASMK se torganizza t-tieni attività bil-Muturi Enduro li se ssir fil-kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali. Din se tkun ideali wkoll għal dawk li għadhom jibdew f’dan l-isport. Fit-23 ta’ Novembru se tiġi organizzata wkoll it-tieni attività bil-Muturi Trials fil-Barriera tal-Ballut fin-Naxxar. Għal iktar dettalji wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.asmk.org.mt

More in Sports