Malta b’rebħa meritata u ferm importanti kontra l-Kroazja

Malta 31 - 26 Kroazja

It-tim nazzjonali Malti tar-rugby beda l-impenji tiegħu fi Grupp 2A tad-Diviżjoni FIRA-AER permezz ta’ rebħa tajba ta’ 31-26 liema logħba ntlagħbet ilbieraħ fil-Hibernians Stadium f’Kordin. Kien is-solitu plejer strumentali James O’Brien li tefa’ lill-Maltin f’vantaġġ komdu ta’ 9-0. Dan hekk kif huwa kkonverta tliet penalties konsekuttivi. Il-Maltin qalgħu daqqa ta’ ħarta fil-25 minuta meta James Morries ġie muri l-karta s-safra u b’hekk ħalla lill-Maltin bi plejer inqas għal 10 minuti. U minn dan malajr approfittaw il-Kroati hekk kif fid-29 minuta Luka Perlan avvanza tajjeb biex kiseb it-tieni try fil-logħba. 

Ftit wara Ayoub falla l-conversion iżda l-Kroati xorta waħda kienu 12-9 minn fuq. Madankollu, Malta wettqu reazzjoni qalbenija u fil-35 minuta rebħu penalty ieħor u O’Brien skorja r-raba’ penalty fil-logħba biex ġab l-iskor indaqs 12-12. Malta bdew juru l-aħjar logħob u żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Morris li kien għadu kemm jirritorna fl-azzjoni, għadda tajjeb lejn Vince Stivala  li kiseb l-ewwel try għall-Maltin. 

Immedjatament wara, James O’Brien, li indubbjament kien l-aħjar plejer fil-logħba, kiseb conversion biex tefa’ lill-Maltin 19-12 minn fuq fl-intervall. Malta komplew juru l-aħjar logħob fil-ftuħ tat-tieni taqsima hekk kif ġirja tajba ta’ James O’ Brien intemmet bit-tieni try għat-tim nazzjonali Malti li ġiet konkluża minn Tiby Quarendon. 

O’Brien skorja l-conversion biex tefa’ lill-Maltin f’vantaġġ komdu ta’ 26-12. Il-Kroati rrispondew tajjeb meta mas-siegħa logħob Nik Jurisic avvanza tajjeb u kiseb try b’Ayoub jiskorja l-conversion biex naqqas id-distakk għal 7 punti. Iżda l-Maltin reġgħu rrispondew tajjeb u ftit wara Stivala żmarka ruħu tajjeb fuq il-lemin għat-tieni try tiegħu fil-logħba biex tefa’ lill-Maltin 31-19 fil-vantaġġ. 

Il-Maltin setgħu jkomplu jkabbru l-vantaġġ iżda O’Brien kontra kull mistenni falla l-conversion. Il-Kroazja komplew jittamaw li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u bdew juru logħob ferm tajjeb u tliet minuti mit-tmiem tal-logħba Tonci Buzov avvanza tajjeb fuq il-linja tal-gowl u Ayoub li kellu logħba ferm tajba għat-tim tiegħu skorja l-conversion sussegwenti biex tefa’ lill-Kroati b’ħames punti biss distakk mill-Maltin. Iżda l-Maltin kkontrollaw tajjeb lill-avversarji tagħhom fil-ftit ħin li kien għad fadal għat-tmiem tal-logħba biex kisbu rebħa meritata u ferm importanti. 

More in Sports