Valletta jilħqu lil Balzan fit-tielet post

Balzan 0 - 2 Valletta

Valletta għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-0 b’gowl kull taqsima biex b’hekk issa laħquhom fit-tielet post b’16-il punt. Il-Beltin resqu viċin li jiftħu l-iskor fit-23 minuta meta Nafti pprova jissorprendi lil Sultana permezz ta’ lob delizzjuz iżda falla t-tentattiv tiegħu bi ftit. Ftit wara Nicky Vella wettaq save tajjeb fuq xutt fil-baxx ta’ Oscar Dario Guerrero, wara azzjoni personali eżattament fil-31 minuta. 

Valletta marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta minn kross ta’ Hamza Barry, il-ballun spiċċa f’saqajn Abdelkarim Nafti li għadda tajjeb lejn Roderick Briffa b’dan tal-aħħar jitfa’ l-ballun fix-xibka. Valletta komplew iżidu l-pressjoni fuq l-avversarji fit-tieni taqsima u resqu viċin permezz ta’ xutt angulat ta’ Hamza Barry li għadda ftit barra. Steve Sultana ftit wara, wettaq saves tajbin fuq Roderick Briffa u Raphael Kooh Sona rispettivament. 

Fis-57 minuta, minn kross ta’ Briffa, Kooh Sona kellu xutt mill-ewwel imblukkat mill-goalkeeper ta’ Balzan. Għaxar minuti wara, Llywelyn Cremona, wara li rċieva mingħand Roderick Briffa kellu xutt minn ġewwa l-kaxxa nnewtralizzat mill-goalkeper Għawdxi ta’ Balzan. 

Steve Sultana reġa’ kien strumenatli għat-tim tiegħu fil-75 minuta hekk kif imblokka xutt b’saħħtu ta’ Roderick Briffa, bil-ballun jispiċċa f’saqajn Elford-Alliyu li mir-rebound ra t-tentattiv tiegħu jiġi milqugħ mill-goalkeeper ta’ Balzan. Erba’ minuti biss wara, Briffa għadda tajjeb lejn Ryan Camilleri li x-xutt angulat tiegħu għadda jħakkek mal-lasta. 

Seba’ minuti minn tmiem id-90 minuta, Balzan spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta Ice-Cream Osa Guobadia imbotta lil Elford-Alliyu eżattament barra l-kaxxa. Mill-freekick li rriżulta, Ryan  Fenech, għeleb lil Sultana wara li l-ballun ġie devjat minn difensur ta’ Balzan biex Valletta ssiġġillaw ir-rebħa ta’ 2-0 fuq Balzan. 

Balzan - Sultana, Grioli (Darmanin 69’), Bezzina, Nonso Odebe (Sciberras 46’), Bilbao Zarate,  Guobadia, Arab, Brincat, Guerrero, Mifsud Triganza (Micallef 61’), Piccioni 

Valletta - Vella, Caruana, Azzopardi, Borg, Camilleri, Fenech, Kooh Sona (Cremona 65’),  Briffa, Elford-Alliyu, Barry (Dimech 81’), Nafti (Bajada 71’) 

Referi Adrian Azzopardi

Steve Sultana

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Twieled fis-7 ta’ Sttembru 1990 f’Għawdex

Kien jifforma parti essenzjali mit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena

More in Sports