Eluf ikunu protagonisti fil-ftuħ ta’ Skola Sport

Eluf ta’ parteċipanti mlew iċ-ċentri kollha tal-KMS

Tfal jitgħallmu l-għawm waqt l-inawgurazzjoni ta’ Skola Sport 2014/15
Tfal jitgħallmu l-għawm waqt l-inawgurazzjoni ta’ Skola Sport 2014/15

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet beda l-programm tax-Xitwa tal-Kunsill Malti għall-Isport, ‘Skolasport’.  L-għan ta’ din l-iskola għal din is-sena huwa dak li jressaq kemm jista’ jkun tfal lejn l-isport.

Eluf ta’ parteċipanti mlew iċ-ċentri kollha tal-KMS fejn fin-nofs in-nhar ta’ filgħodu ta’ nhar is-Sibt 18 ta’ Ottubru wieħed seta’ josserva ħsejjes ta’ tfal jipprattikaw l-isport favorit tagħhom f’baħar ta’ kuluri taħt it-tmexxija professjonali ta’ madwar 180 kowċ.

L-iskola nfetħet fil-Kumplessi tal-Kottonera, Marsa, Pixxina Nazzjonali, Kirkop, fl-iskejjel tal-Ħandaq, Santa Margerita,  Pembroke u Mosta. Għal dak li huwa sport speċjalizzat l-attivitajiet bdew isiru fl-Eden Super Bowl, Badger Karting, Viking Sailing Club u Tennis Club Kordin. Hemm programm ukoll ta’ sport fil-Padiljun ta’ l-Università.  

Jibqgħu l-aktar attivitajiet popolari mal-parteċipanti ż-żfin, il-ġinnastika, il-basketball, u l-għawm. Kien għalhekk li fil-programm ta’ din is-sena żdied programm ta’ żfin sew fil-Pixxina kif ukoll fil-Marsa li kkumplimentaw dak li kien hemm qabel. Dan minbarra l-programmi foundation u participation immirat għat-tfal bejn l-4 u l-10 snin li għandhom l-għan li jintroduċu l-ħiliet sportivi bażiċi fid-diversi dixxiplini.

Intant, tajjeb ngħidu li fetħet ukoll l-akkademja tat-Triathlon fejn novità għal din is-sena huwa programm għall-adulti. Din l-akkademja żiedet ħafna fil-popolarità. Fil-jiem li għaddew infetħet ukoll l-akkademja taż-żwiemel li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jorganizza fil-korsa taż-Żwiemel fil-Marsa.

Skola Sport kompliet ukoll matul il-ġimgħa bi programm fil-Kottonera, Mosta, Kirkop u l-Pixxina Nazzjonali.

Skolasport jipprovdi wkoll programm għall-ġenituri biex waqt li jkunu qegħdin jistennew lit-tfal tagħhom huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem f’xi attività fiżika. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sakemm jintlew il-postijiet kollha. Dan jista’ jsir jew permezz tal-online booking fuq www.sportmalta.org.mt jew inkella billi jimlew il-formola li tinkiseb minn xi wieħed miċ-ċentri.

More in Sports