Ikompli d-dominju assolut ta’ Samuel Bartolo fit-table-football lokali

Samuel Bartolo u Andre Abela rebbieħa fil-kategoriji rispettivi tagħhom

Samuel Bartolo - ir-rebbieħ tal-Kategorija Open tat-table-football
Samuel Bartolo - ir-rebbieħ tal-Kategorija Open tat-table-football

Fil-FISTF International Open, li nżamm fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’kazin tal-banda ġewwa Ħaż-Żebbug, Samuel Bartolo u Andrew Abela, li t-tnejn huma membri tal-Valletta Subbuteo Club ħarġu rebbieħa fil-kategoriji rispettivi tagħhom, b’wirjiet stupendi u riżultati komdi, biex xejnu kull sfida fit-triq lejn dan l-unur.

Fil-kategorija Open, għal Samuel Bartolo, dan kien il-11-il suċċess Internazzjonali fil-karriera tiegħu, fejn rebaħ unuri f’diversi pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, il-Belġju u anki Wales. Biex jgħaddi mill-grupp tiegħu, għal Samuel kien diġà iebes, u għalkemm ikkwalifika b’punti massimi, is-semi-finalist li kellu jiltaqa’ miegħu, u eventwalment il-finalist kellhom ikunu tnejn mill-aqwa plejers li għandna Malta. Fis-semi-finali, Samuel iltaqa’ ma’ sieħbu fil-klabb tal-Valletta Subbuteo Club, Derek Conti, u wara logħba missielta għall-aħħar, Samuel rebaħ 4-3.  Fil-finali mbagħad Samuel xejjen l-isfida ta’ Mark Gauci billi għelbu bl-iskor ta’ 4-2.

Andrew Abela huwa żagħżugħ promettenti ħafna, u r-rebħ tal-kategorija tiegħu tal-Under 19, tieħu aktar sinifikat meta tqis il-fatt li rebaħ il-logħob kollu bi stil għalih. Andrew kien Champion ta’ Malta tal-Under-15 f’dawn l-aħħar snin, u dan l-International Open huwa riżultat mistħoqq għalih. Andrew għeleb sensiela ta’ avversarji, u ironikament l-aktar logħba missielta kella tkun kontra Tristan Fenech, li huwa wkoll plejer tal-Valletta Subbuteo Club. Kienet logħba interessanti ferm, li Andrew irnexxielu jirbaħ bl-iskor ta’ 3-2.   Tristan Fenech spiċċa fit-tieni post f’dan l-International Open. 

Fil-kategorija tat-timijiet il-Valletta Subbuteo Club, wara dominju ta’ tliet snin li fihom rebaħ kull unur f’Malta, din id-darba kellu jbaxxi rasu meta tilef fil-finali kontra l-Valletta Lions 3-1. Din kienet l-ewwel telfa f’dawn l-aħħar tliet snin f’Malta.

More in Sports