Keith Galea champion ta’ Malta tat-triathlon għar-raba’ darba

L-atleta ta’ Birkirkara St Joseph, Keith Galea, reġa’ kkonferma li huwa l-aqwa triatleta Malti

Keith Galea fl-azzjoni
Keith Galea fl-azzjoni

L-atleta ta’ Birkirkara St Joseph, Keith Galea, reġa’ kkonferma li huwa l-aqwa triatleta Malti bħalissa billi rebaħ it-titlu ta’ Champion ta’ Malta tat-Triathlon għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu. Il-Ħadd 12 ta’ Ottubru il-Federazzjoni Maltija tat-triathlon organizzat is-26 edizzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali tat-Triathlon li saru l-Marfa. Atleti mir-Renju Unit, Polonja u mill-Afrika ta’ Isfel ħadu sehem f’din it-tellieqa imma l-attenzjoni kienet kollha fuq iż-żagħżugħ, Keith Galea li kien determinat li jiddefendi t-titlu.

Fl-għawma ta’ 1.5km li saret fil-bajja tal-Marfa, Galea mar mal-ewwel fuq quddiem biex jiftaħ vantaġġ tajjeb mill-ewwel. Kien Graham Borg biss li żamm ma’ Galea fl-ewwel dawra imma fit-tieni dawra Galea żied il-pass fejn fetaħ vantaġġ kbir fuq l-eqreb rivali tiegħu li kienu se jisfidawh għat-titlu. Huwa għamel l-għawma ta’ 1.5km f’ħin tajjeb ħafna  ta’ 21.29.

Fit-tranżizzjoni ta’ bejn l-għawma u r-rota Galea pprova jgħaġġel kemm jista’ biex jiggwadanja iktar sekondi. Fuq ir-rota Galea beda jsuq tajjeb ħafna imma fl-aħħar 15-il km Fabio Spiteri li tela’ fit-tieni post beda jnaqqas id-distakk tiegħu minn ma’ Galea. F’dan il- mument Galea żamm kalm u kompla bil-pass tiegħu biex iħalli kemm jista’ jkun enerġija għall-ġirja. Galea għamel l-40km rota fuq il-korsa tal-aħrax tal-Mellieħa f’ħin ta’ 1.04.51.

Avolja kellu vantaġġ tajjeb, Galea kompla jagħfas fil-ġirja ta’ 10km biex iżid fil-vantaġġ li kellu. Kien mument iebes għall-atleti għax is-sħana bdiet tinħass imma xorta waħda Galea rnexxielu jkabbar il-vantaġġ li kellu biex rebaħ il-Kampjonat għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu f’ħin ta’ 2.06.01, bl-aħjar ġirja tal-ġurnata ta’ 37.38.

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal Galea kien kuntent ħafna bir-rebħ tar-raba’ kampjonat. Huwa qal li din it-tellieqa hija speċjali għalih għax kien wara l-Kampjonat tal-1998 li ddeċieda jibda Triathlon u li jirbaħha għar-raba’ darba huwa mument emozzjonali ħafna. Kienet tellieqa vera diffiċli għalih u s-sħana kompliet tagħmilha iktar diffiċli imma xorta waħda żamm kalm u baqa’ kkonċentrat biex jirbaħ it-tellieqa li l-iktar iħobb. Kien staġun mill-aqwa għal Galea fejn rebaħ it-titlu tat-triathlon għar-raba’ darba, it-titlu tad-duathlon għat-tieni darba, it-titlu tal-aquathlon, it-titlu tal-Birkirkara St Joseph Triathlon Series għal rekord ta’ seba’ darbiet, l-unur tat-triatleta tas-sena għas-sitt darba fejn laħaq ir-rekord ta’ ħuh Dermot u li ntagħżel għal-Logħob tal-Commonwealth.

Keith Galea xtaq jirringrazzja lil ħuh u kowċ tiegħu Dermot Galea fejn qal li huwa unur kbir għalih li jkompli jimxi l-passi tiegħu u li jikkunsidrah bħala l-aqwa triatleta Malti li kien hawn, lill-kowċ tal-għawm tiegħu Catalon Stan li grazzi għalih l-għawma għamlet qabża ta’ kwalità kbira, lill-ġenituri tiegħu u lill-ġenituri tal-mara għall-appoġġ li jtuh f’kull tellieqa. Keith xtaq jirringrazzja wkoll lill-isponsors tiegħu Garmin Malta, BBB Bike Parts Malta, Jaycee Malta, Challenge Malta Marathon u lil Starbene Sports Nutrition Shop tal-Mosta, lil klabb tiegħu Birkirkara St Joseph, lill-Malta Triathlon Federation, lill-Kunsill Malti għall-Isport u lill-Kumitat Olimpiku Malti tal-appoġġ li tawh matul dan l-istaġun.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas Keith Galea xtaq jirringrazzja lill-iktar persuna importanti għalih – lill-mara tiegħu Elizabeth. Elizabeth hija l-unika persuna li taf minn xiex għadda Galea matul is-sajf li għadda – mit-tbatija li kellu jgħaddi minħabba t-taħriġ intensiv li kellu matul din is-sena speċjalment f’ġimgħat partikolari fejn għamel 35 siegħa ta’ taħriġ f’ġimgħa u kien xorta jitħarreġ avolja ġismu ma kienx jiflaħ ikompli, imma kien grazzi għaliha li ispiratu biex b’determinazzjoni kbira jkompli jitħarreġ biex jilħaq fejn irid. 

More in Sports