Sliema Wanderers jiksbu rebħa kbira kontra Mosta

Sliema 4 - 1 Mosta

Sliema Wanderers kisbu rebħa kbira kontra Mosta meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-1. Din il-logħba mmarkat id-debutt tal-kowċ Stephen Azzopardi li wara din ir-rebħa ma setax ikollu debutt aħjar. Huma rnexxielhom jagħmlu dan għalkemm lagħbu għal ħin twil b’10 plejers. Il-Wanderers irnexxielhom isibu x-xibka meta wara biss 8 minuti logħob Kasas Guy Gnabayou tefa’ lil Sliema Wanderers fil-vantaġġ permezz ta’ xutt mill-ewwel. 

It-tim immexxi minn Stephen Azzopardi rdoppja l-iskor ftit sekondi wara l-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ Fabio Mangiacasale li minn ġol-kaxxa tefa’ fix-xibka. Il-Wanderers komplew ikabbru l-marġini tal-iskor fis-56 minuta mir-rebound Kassa Guy Gnabayou mill-viċin tefa’ ġewwa, biex skorja doppjetta personali. Dan il-plejer kellu logħba mill-aqwa u fil-fatt bl-iktar mod meritat ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti.

Fit-80 minuta Mosta naqsu għamlu l-iskor iktar rispettabbli permezz ta’ xutt mill-bogħod ta’ Bojan Kaljevic li approfitta mill-fatt li l-goalkeeper ta’ Sliema Wanderers Glenn Zammit kien barra minn postu. Fil-85 minuta Sliema Wanderers għamlu l-iskor finali 4-1 favurihom permezz tal-plejer Taljan Andrea Pisanu u li niftakruh jilgħab ma’ Bologna u Parma fost l-oħrajn li minn penalty għeleb lil Marcos Bernal.

Sliema W. - Zammit, Martinelli, Gnabouyou (Muscat 79’), Mintoff , Scerri, Pisanu, Talato,  Gatt Baldacchino, Cilia (Xuereb 90’), Mangiacasale, Bianciardi (Potezica 20’)

Mosta - Bernal, Brincat (Falzon 46’) (Brincat 75’), Magro, Farrugia, 19 – I. Grech, 6 – R. Grech, Micallef, Milovanovic, Bueno, Calcado (Jovanovic 59’), Kaljevic

Referi - Mario Apap

Kassa Guy Gnabayou

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Twieled fl-1 ta’ Diċembru 1989 f’Marsilja fi Franza

Ingħaqad ma’ Sliema Wanderers matul dan l-istaġun mingħand it-tim Grieg Kalloni

Lagħab logħba waħda mat-tim nazzjonali Franċiż ta’ taħt il-21 sena

More in Sports