Ħal Qormi jerġa’ jirbaħ is-Super Cup tal-Hockey

Qormi rnexxielhom jerġgħu jirbħu s-Super Cup meta għelbu lill-Young Stars bl-iskor miminu ta’ 1-0

Qormi Hockey Club wara r-rebħa tagħhom tas-Super Cup
Qormi Hockey Club wara r-rebħa tagħhom tas-Super Cup

Qormi rnexxielhom jerġgħu jirbħu s-Super Cup meta għelbu lill-Young Stars bl-iskor miminu ta’ 1-0 bil-gowl għalihom jasal minn Juan Sarcia. L-umpires tal-logħba kienu Manuel Imbroll u Luke Busuttil Leaver. L-ewwel attakk tal-logħba kien ta’ Young Stars iżda s-short corner tagħhom ma kienx effettiv. Wara dan Qormi daħlu fl-azzjoni u fit-13-il minuta rebħu żewġ short corners wara perjodu ta’ pressjoni fuq id-difiża Furjaniża. Fl-ewwel wieħed il-gowlkiper ta’ Floriana YS, James Mizzi, laqa’ l-ballun tajjeb ħafna u t-tieni wieħed ġie mtajjar fuq il-lasti mid-difensuri. Il-logħba kienet milgħuba fin-nofs u Young Stars kellhom żewġ okkażjonijiet oħra fis-27 minuta iżda dawn sfumaw fix-xejn. 

Fit-32 minuta Young Stars kellhom l-aħjar okkażjoni tal-logħba meta Sam Borg qabeż diversi difensuri u meta ġie biex jiskorja f’lasti vojta ra l-ballun tiegħu mxellef minn Axel Cauchi. Qormi rrispondew meta wara kontrattakk rebħu żewġ short corners iżda dawn ġew newtralizzati. Il-logħba kienet tidher li se tiġi deċiża minn short corner iżda ż-żewġ speċjalisti tagħhom, Juan Sarcia għal Qormi u Mark Camilleri għal Floriana ma kinux perikolużi. L-ewwel taqsima ntemmet b’Qormi jkollhom ftit iktar mill-ballun iżda l-ebda tim ma ddomina.

L-istorja nbidlet kmieni fit-tiena taqsima fejn wara biss 4 minuti Qormi marru minn fuq. Kien Juan Sarcia li minn short corner għeleb lil James Mizzi bi dragflick fil-baxx. Wara dan il-gowl il-Qriema kienu iktar kawti bi Floriana jżidu l-pressjoni fuq id-difiża ta’ Qormi. Il-logħba nbidlet f’waħda mgħaġġla ħafna b’Young Stars ifittxu l-gowl u Qormi jaħarbu fuq il-kontrattakk jippruvaw jiskorjaw it-tieni wieħed. Iktar mal-logħba bdiet tersaq lejn tmiemha, Floriana bdew jippressaw iktar iżda d-difiża ta’ Qormi bdiet iżżomm tajjeb ħafna. Fl-64 minuta, Floriana rebħu 3 short corners iżda dawn ġew difiżi tajjeb minn Qormi. 

Fl-aħħar minuti Floriana żiedu l-pressjoni u għafsu lill-Qriema fil-15-il metru difiżi minnhom. L-aħħar azzjoni tal-logħba kienet short corner favur Floriana li ra lill-gowlkiper ta’ Qormi, Ramon Chircop, itajjar tajjeb biex ixejjen il-periklu. Il-logħba ntemmet immedjatament wara b’Qormi jżommu l-vantaġġ minimu li kisbu kmieni fit-tieni taqsima u jiġu nkurunati rebbieħa tas-Super Cup.

More in Sports