Skolasport - Programm li jilħaq il-gosti ta' kulħadd

Jitħabbru d-dettalji dwar Skolasport 2014/15

Attivitajiet ta' Skolasport
Attivitajiet ta' Skolasport

Il-Kunsill Malti għall-Isport ħabbar li matul dawn l-aħħar xhur saret ħidma intensiva sabiex l-entità tibda tħares aktar fil-fond lejn id-dettal. “Kien għalhekk li twaqqaf tim tekniku magħmul minn coaches professjonali li flimkien analizzaw lit-tfal bħala individwi u  ħolqu programm li jilħaq il-gosti ta’ kulħadd” qal Mark Cutajar, rappreżentant tal-Ministeru għall-Kunsill Malti għall-Isport. Kompla jgħid li l-KMS hu mpenjat biex jgħolli l-livell tal-assoċjazzjonijiet , kif ukoll isaħħaħ l-akkademji.  “Bħalissa hemm żewġ akkademji fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport, li huma dik taż-żwiemel u tat-triathlon, u fiż-żmien qarib se tinfetaħ ukoll waħda tal-basketball”.
 
Minn naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Luciano Busuttil qal li l-fulkru ta’ Skolasport m’humiex biss il-venues iżda qed issir enfasi b’mod partikolari fuq it-tfal. “Il-KMS huwa impenjat jibqa jibni fuq il-programm tas-sajf Summer on the Move, biex dejjem joffri l-aħjar, bl-aqwa prezzijiet li jistgħu jiġu milħuqa minn kulħadd” qal Busuttil.  Temm jgħid li l-programmi tal-KMS jistgħu jilqgħu lil kulħadd għaliex l-entità hija komessa li tara li jkun hemm inklużjoni soċjali.

Fid-diskors tiegħu, s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius li qal li l-KMS huwa kommess li joffri l-programmi lil kulħadd u għalhekk qed jinżammu prezzijiet baxxi ħafna, minbarra li qed jiftaħ 11-il ċentru madwar Malta sabiex ikunu aktar milħuqa mill-pubbliku.  “Skolasport għandu jkun mezz sabiex aktar tfal, żgħażagħ u adulti jitħajru jkunu attivi u eventwalment jingħaqdu ma’ xi klabb tal-isport f’pajjiżna”.
 
Agius temm jgħid li din is-sena fi Skolasport mistennija jieħdu sehem ’il fuq minn 4,000 ruħ f’diversi dixxiplini sportivi, immexxija minn madwar 180 coach professjonali.  “Se jkun hemm attivitajiet popolari mal-parteċipanti bħaż-żfin, ġinnastika, basketball, u għawm.  Dan minbarra il-programmi foundation u participation immirat għat-tfal bejn l-4 u l-10 snin li għandhom l-għan li jintroduċu l-ħiliet sportivi bażiċi fid-diversi dixxiplini”.
L-applikazzjonijiet għadhom qed jintlaqgħu jew permezz tal-online booking fuq www.sportmalta.org.mt

 

More in Sports