Tkompli l-istorja ta’ suċċess ta’ Edward Bezzina

Wieħed mill-iktar atleti żgħażagħ li qed jikseb suċċess f’pajjiżna huwa bla dubju ta’ xejn Edward Bezzina li ftit tal-jiem ilu ħa sehem f’kompetizzjoni ferm importanti tax-shot put f’Brno fir-Repubblika Ċeka. 

Edward Bezzina fl-azzjoni f'Brno fir-Repubblika Ċeka
Edward Bezzina fl-azzjoni f'Brno fir-Repubblika Ċeka

Wieħed mill-iktar atleti żgħażagħ li qed jikseb suċċess f’pajjiżna huwa bla dubju ta’ xejn Edward Bezzina li ftit tal-jiem ilu ħa sehem f’kompetizzjoni ferm importanti tax-shot put f’Brno fir-Repubblika Ċeka. Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Edward Bezzina nnifsu fejn talbu jtina l-kummenti tiegħu rigward l-esperjenza unika li kellu f’Brno kif ukoll dwar l-aħħar progress tiegħu fid-dixxiplina tax-shot put u kif qed iħares lejn il-futur tiegħu f’dan l-isport li kulma jmur qed jikber dejjem iktar fil-popolarità tiegħu. Bezzina stqarr magħna li:

“Wara kompetizzjoni pjuttost ta’ suċċess ġewwa r-Repubblika Ċeka fl-2013, sena wara kellha l-istorja tagħha wkoll. Lejn Ottubru tas-sena 2014, beda l-istaġun il-ġdid tal-atletika u kellu jkun wieħed mimli esperjenzi u avvenimenti importanti. Fih kellhom jinkisru rekords u jintrebħu medalji li żgur qatt m’jien se ninsa.

L-istaġun beda fuq nota tajba ħafna. Dan għaliex it-taħriġ li seħħ qabel il-bidu tal-istaġun kien wieħed ferm pożittiv fejn skont il-kowċ tiegħi kelli fejn nitfa’ sa 15-il metru! Għalija din kienet diġà xi ħaġa stupenda. L-objettivi tiegħi għal matul dak l-istaġun kienu ftit, iżda li jinvolvu ħidma kbira. Bla ebda dubju, l-aktar wieħed għoli kien dak li nikser ir-Rekord Nazzjonali u warajh li nakkwista midalja f’kompetizzjoni barra minn xtutna.

Minn kmieni kont bdejt nipprattika u nidra teknika ġdida fix-shot put, dik li tissejjaħ il-‘glide’, l-aktar użata mill-pajjiżi Nordiċi. Din it-teknika kellha tkun ta’ għajnuna kbira iżda fl-aħħar ta’ tfixkil ukoll. Biex drajtha domt ftit mhux ħażin imma sa Marzu kont pjuttost kunfidenti biha. Sa dan iż-żmien kont għadni qiegħed nitfa’ madwar 12-il metru u nofs, distanza li kienet viċin ir-rekord minn diġà! Ir-rekord kien dak ta’ 12.70m li inġustament kien sar b’piż ta’ tliet kilogrammi, kilo inqas mill-piż korrett!

Jiena bħala persuna negattiv u l-pessimiżmu ħakimni diversi drabi matul l-istaġun. Bħalma stqarrejt qabel, ir-rekord nazzjonali kien wieħed li ridt nikser bl-ikrah anki peress li kelli r-rekord nazzjonali ta’ sena iżgħar. Meta kont viċin li niksru donnhom ħsibijiet li mhux se jirnexxieli kienu bagħtuni lura għal żmien qasir.

Lejn nofs Frar spiċċajt imweġġa’ bi problemi kbar fil-groin li saħanstira bagħtuni l-isptar. Wara xahar u nofs wieqaf mit-taħriġ u għaddej bit-trattamenti fiżjoterapetiċi, kont b’saħħti biżżejjed biex nirritorna lura għat-taħriġ. Wara din il-waqfa, il-forma li ggwadanjajt, fejn kont qed nitfa’ distanzi ferm tajbin, sfaxxat fix-xejn.

Il-quċċata ta’ dan l-istaġun waslet propju lejn Mejju li għadda u anki wara. Dan għaliex f’dan ix-xahar kont se nieħu sehem f’kompetizzjoni atletika bejn l-iskejjel Maltin. Propju f’din il-kompetizzjoni, fejn biex inkun stqarrejt kollox kont erġajt iggwadanjajt ċertu forma u d-distanzi fit-taħriġ kienu telgħu sa ’l fuq minn 13-il metru, kelli fejn nikser ir-rekord nazzjonali. Ovvjament, kont ingranat u eċitat mhux ftit biex nitfa’. Ironikament, kella tkun l-ewwel tefa’ li biha ksirtu. Din it-tefa’ kienet ta’ 13.21m, 51cm iktar mir-rekord l-antik. Bla dubju li dakinhar kienet ġurnata fejn rajt il-ħidma u s-sagrifiċċji li għamlit jagħmlu l-frott.

Wara li ismi nkiteb fuq il-ktieb tar-rekords Maltin, ħsiebi dar lejn l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża tal-istaġun, il-‘European Kids Athletics Games’ li jiġu organizzati ġewwa l-belt ta’ Brno fir-Repubblika Ċeka. Bħalma diġà għidt, sena qabel kont ikklassifikajt fit-tieni post imma din id-darba xtaqt immur aħjar. Sfortunatament, impenji akkademiċi ma tantx għenu biex intejjeb id-distanzi u għalhekk sa Lulju l-kambjament ma kienx evidenti u l-pressjoni tal-eżamijiet iktar bdejt intiha importanza.

Wara l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena, għall-ħabta ta’ Lulju, irritornajt mill-ġdid għat-taħriġ wara pawża ddedikata għall-impenji skolastiċi. Ir-ritorn kellu jkun wieħed iebes u frustranti ħafna. Sa dan iż-żmien imsemmi kont għadni qed napplika t-teknika tal-glide biex inwaddab, imma sfortunatament f’dak il-perjodu kienet qed iżżommni milli nagħmel l-aħjar tiegħi. Fejn qabel kont qiegħed nitfa’ fuq it-13-il metru u anki mmiss l-14-il metru, bilkemm kont qiegħed immiss it-12.50m! Meta jien bqajt inwebbes rasi u ridt nibqa’ b’dik it-teknika, il-kowċ kien tal-parir li naqleb it-teknika għal dik antika li biha spiċċajt fit-tieni post f’Brno s-sena ta’qabel. Kellu jkun pass deċiżiv u wieħed importantissimu għall-futur qrib.

F’Awwissu, iddeċidejt li naqleb it-teknika għal dik ‘Run Back’. Domt naqra ma erġajt drajtha imma sa nofs Awwissu kont qed nitfa’ distanzi li ssorprendewni! Sa meta kelli nsiefer għal Brno, jiġifieri fis-7 ta’ Settembru, fit-taħriġ kont ilħaqt u anki qbiżt id-distanza tal-14-il metru!

Waslet il-ġimgħa fejn l-emozzjonijiet ma naqsux. Tlaqt għal Brno l-Ħadd, 7 ta’ Settembru u kelli nikkompeti t-Tlieta 9 ta’ Settembru fid-9.30am. L-eċitament kien wieħed kbir għax sirt naf li żewġ kompetituri tiegħi kienu qed jitfgħu fuq il-15-il metru, distanza li qatt ma ħlomt li nilħaq! Il-wasla ġewwa l-belt Ċeka kienet waħda twila u l-għada kienet l-ewwel ġurnata ta’ preparazzjoni għall-kompetizzjoni. Fil-jum tal-preparazzjoni, kont qed nitfa’ ’l fuq mill-14-il metru u bdejt inkun kunfidenti maċ-ċirku ġdid u l-ambjent differenti.

Id-9 ta’ Settembru, ġurnata qatt minsija. Bakkart fis-6am u l-ewwel ħaġa li għamilt kienet li ntfajt mal-art nimmedita fuq il-kompetizzjoni ta’ ftit sigħat wara. Wara, ppreparajt l-affarijiet li kelli nieħu, ilbist u nżilt għall-kolazzjon flimkien ma’ wieħed mill-uffiċjali tal-kontinġent Malti, Anthony Fava. Meta qbadna t-triq għall-istadium, bdiet nieżla x-xita, xi ħaġa mistennija f’dik il-belt. Għall-ħabta tat-8am bdejt it-thejjija tas-soltu f’temperaturi ta’ madwar 14-il grad.

Meta lestejt u mort fejn il-famuż ċirku tax-shot put, għajnejja marru wara widnejja! Kont kważi l-iqsar wieħed fostna l-kompetituri. Il-maġġoranza kienu kollha fuq il-185 cm meta jien kont madwar 180 cm! Stħajjiltni mdawwar minn 21 ġgant. Sadanittant ilmaħt lil Adam Horak, l-atleta li s-sena ta’ qabel kien ġie l-ewwel, pożizzjoni ogħla aktar minni. Dan ukoll kien is-sid numru wieħed fix-shot put fir-Repubblika Ċeka. It-tnejn li aħna konna ppreparati u lesti għat-taħbita.

Matul il-kompetizzjoni, l-appoġġ liema bħalu muri mill-kontinġent Malti kien wieħed speċjali. Tliet persuni in partikolari: Anthony Fava, Mauro Pace Parascandolo (iż-żewġ uffiċjali) u Catriona Cuschieri kienu ta’ għajnuna vitali għalija, speċjalment mill-att psikoloġiku. Mal-ewwel tefa’ kont ksirt ir-rekord tiegħi stess b’distanza ta’ 13.62cm u fit-tielet tefa’ erġajt ksirtu b’distanza issa ta’ 14.18cm! Sal-ħames tefa’ minn sitta kont ninsab fit-tieni post, b’dak tal-ewwel ikun Horak. Iżda fis-sitt u l-aħħar tefa’, Roberts Garoza, atleta mil-Latvja, spiċċa s-sid numru wieħed b’distanza ta’ 15.20 cm. Horak spiċċa t-tieni b’distanza ta’ 14.99 cm.

Biex jingħad kollox, bħala kontinġent Malti, li jien kburi li kont parti minnu, b’kollox akkwistajna ħames medalji. Dawn kienu: Liam Mckay, deheb fil-High Jump, b’qabża rekord ta’ 1.63m, Matthew Portelli, fidda fil-150m, u żewġ medalji fidda fil-4x100m relays tas-snin 1999 u 2000, b’dawk tas-sena 1999 iġibu ħin rekord. Ukoll, il-kontinġent Malti akkwista r-raba’ post fix-shot put tan-nisa b’Catriona Cuschieri, il-ħames fil-150m permezz ta’ Nicole Attard Glivau u bosta pożizzjonijiet oħra.

Nixtieq ngħaddi r-ringrazzjamenti tiegħi lill-kowċ, Genz Dapi, il-mutur tiegħi, ta’ kemm ħa paċenzja u kemm iddedika ħin għalija. Lil Luke Farrugia, discus thrower, li dejjem tani pariri tajbin u għeni meta kont f’mumenti diffiċli. Lil Lawrence Ransley, li wkoll għamel suċċess f’kompetizzjonijiet l-Italja fix-shot put, fejn kien il-motivatur tiegħi, allavolja kien hemm żminijiet fejn insulentajtu u weġġajtu! L-aħħar u mhux l-inqas nixtieq nirringrazzja b’mod immens lill-ġenituri tiegħi, li dejjem kienu warajja, jgħinuni u jimbuttawni ’l quddiem biex nagħmel l-aħjar tiegħi.

Fil-futur, issa li riesaq l-istaġun il-ġdid, għandi ħafna objettivi ġodda, li bħal dejjem nixtieq li nilħaqhom. Fosthom hemm li nsib sponsor sabiex nimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħi, li nibda teknika ġdida mill-ġdid u li forsi nsiefer fuq kompetizzjonijiet akbar sabiex fl-aħħar mill-aħħar nagħmel isem lil pajjiżi. Nispera li nibqa’ ningħata l-opportunità li nikkompeti għal Malta u nkabbar isem art twelidi,” temm jgħid Edward Bezzina.

More in Sports