Ta’ Xbiex jaqbad ritmu tajjeb

Jidher li jeżistu aspettattivi ferm sbieħ għal Ta’ Xbiex S.C. – tim li ilu jimmilita fil-futbol lokali għal tliet snin biss, iżda jidher li hemm serjetà kbira fit-tmexxija tiegħu u mhux biss.

Il-President tal-Klabb Mario Psaila Savona jippreżenta lis-Sindku Max Zammit il-flokk uffiċjali tal-klabb bin-numru 20, li jirrapreżenta l-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex
Il-President tal-Klabb Mario Psaila Savona jippreżenta lis-Sindku Max Zammit il-flokk uffiċjali tal-klabb bin-numru 20, li jirrapreżenta l-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex

Bħala ringrazzjament tal-appoġġ kontinwu mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex, il-Klabb ta’ Ta’ Xbiex S.C. għażel li jippreżenta lis-Sindku Max Zammit il-flokk uffiċjali tal-klabb bin-numru 20, li jirrapreżenta l-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex.

Fil-kummenti tiegħu s-Sindku wera l-apprezzament tiegħu għal dan il-ġest u stqarr li l-għajnuna li l-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex qed jagħti fejn tidħol promozzjoni tal-isport fil-lokalità, huwa wieħed mill-obbligi li dan il-kunsill ħa ħsieb li jħares sabiex ir-residenti u l-għaqdiet jersqu aktar viċin tal-Kunsill.

Is-Sindku Max Zammit ħa wkoll l-opportunità sabiex jawgura l-isbaħ xewqat għall-istaġun il-ġdid li għadu kif beda. Qal ukoll li barra li jinsab sodisfatt mill-wirjiet tal-istaġun li għadda, jinsab persważ li permezz tal-impenn u l-professjonalità li dan il-klabb qed juri fl-organizzazzjoni tiegħu, diġà qed igawdi ħafna rispett mit-timijiet l-oħra. Stqarr li jemmen li dan l-istaġun, it-tim ta’ Ta’ Xbiex se jikseb aktar punti mill-istaġun preċedenti u dan ikun ċertifikat tal-għaqda sportiva li nibtet f’dan il-lokal.

Il-President tal-Klabb Mario Psaila Savona stqarr li Ta’ Xbiex S.C. issa daħal fit-tielet sena tiegħu u t-triq kienet waħda twila u iebsa. Sforz il-ħidma kontinwa ta’ kumitat ħabrieki kif ukoll tal-istaff tekniku, il-klabb mexa pass pass ’il quddiem. Irringrazzja lill-Kunsill Lokali ġewwa l-lokalità u b’mod speċjali lis-Sindku Max Zammit li minn dejjem kien ta’ għajnuna sa minn mindu nibtet l-idea. Mill-bidu nett dejjem għamel l-uffiċċju tal-Kunsill miftuħ għad-dispożizzjoni tagħhom. Biżżejjed ngħidu li l-Laqgħat Ġenerali Annwali kollha saru fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali. Tajjeb insemmu wkoll illi Ta’ Xbiex S.C ġie onorat f’Jum Ta’ Xbiex.

Il-klabb tal-futbol ta’ Ta’ Xbiex S.C. flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex, se jorganizzaw ġirja fit-18 ta’ Ottubru madwar Ta’ Xbiex sabiex ikomplu jqanqlu l-isport u l-eżerċizzju fiżiku fi ħdan il-lokal - attività li għaliha kulħadd huwa mistieden. Aktar dettalji jingħataw aktar qrib il-ġurnata. Aktar informazzjoni wieħed jista’ jsibha fuq il-paġna ta’ Ta’ Xbiex S.C. fuq Facebook, fejn wieħed jista’ jsegwi l-iżviluppi u l-andament f’dan il-klabb. 

More in Sports