Jinkisru 19-il rekord nazzjonali fil-weightlifting

Il-kompetizzjoni internazzjonali tal-weightlifting iġġib magħha suċċessi kbar għal Malta
 

Kieran Mifsud fl-azzjoni
Kieran Mifsud fl-azzjoni

L-Għaqda Maltija tal-Weightlifting (MWA) il-Ħadd 21 ta’ Settembru organizzat kompetizzjoni ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Dan serva sabiex ikun hemm preparazzjoni għall-atleti li qed jitħejjew għall-kompetizzjonijiet internazzjonali, kif ukoll għal ħafna atleti oħra ddedikati li tul dan is-sajf baqgħu għaddejjin bit-taħriġ tagħhom biex ikomplu jtejbu l-livelli. 

Numru sabiħ ta’ spettaturi attendew u taw l-appoġġ tagħhom lill-atleti. Dan ukoll wera biċ-ċar il-kuraġġ li għamlu lill-atleti. Ħafna mill-atleti kisru l-aħjar riżultati personali kif ukoll inkisru 19-il rekord nazzjonali speċjalment fil-kategoriji għall-atleti żgħażagħ.

Fl-ewwel kompetizzjoni, dik għall-atleti femminili, l-aħjar riżultati ġew minn Sarah Grixti fejn refgħat it-total ta’ 113-il kilogramma. Hija wkoll irnexxielha tikser ħames rekords nazzjonali kemm fil-kategorija tal-Youths u anke dik tal-Juniors. Riżultati oħra ferm tajbin kienu minn Nathalie Borg b’refgħa totali ta’ 79 kilogramma kif ukoll minn Hayley Mizzi b’71 kilogramma. Riżultati ferm tajbin ġew ukoll mill-mistiedna tal-grupp Melanie Boenzli mill-Isvizzera b’refgħa totali ta’ 101 kilogramma. Atleti oħra li għamlu progress kienu Eleonor Cumbo, Alexia Guiga u Amy Zammit.

It-tieni  kompetizzjoni, dik għall-atleti maskili, kienet ferm aktar missielta. Andy Grech refa’ total ta’ 131 kilogramma u kiseb 168 punt, Calvin Dean Caruana refa’ 155 kilogramma u kiseb 172 punt. L-atleta mill-Isvizzera Marco Toma refa’ total ta’ 145 kilogramma u kiseb 179 punt. Punt aktar ’il fuq minn ta’ dawn l-atleti kien dak ta’ Kirstin Coleiro. 

L-ikbar battalja għall-atleti kienet fuq l-aħħar sitt atleti f’din il-kategorija fejn Owen Bugeja fir-refgħa snatch tella’ 91 kilo - 3 kilos aktar mill-atleta Noel Coleiro però fir-refgħa Clean & Jerk, Bugeja refa’ 101 kilo u bi ftit tilef ir-refgħa ta’ wara dik tal-110 kilo, għalhekk ma kienx biżżejjed kontra Coleiro għax dan tal-aħħar baqa’ tiela’ sal-120 kilo.

L-aqwa riżultati ġew minn Kieran Mifsud - atleta ta’ 15-il sena fejn fir-refgħa snatch tella’ 101 kilo u 132 kilo fil-Clean & Jerk għalhekk kiseb it-total ta’ 233 kilo huwa rnexxielu jikser 13-il rekord nazzjonali kemm fuq livell Youth, Junior u anki Senior. Dan ir-riżultat tellgħu fl-ewwel post fil-klassifikazzjonijiet Maltin u kiseb il-livell internazzjonali. Il-battalja kompliet meta Rodmar Pulis kellu bidu ftit diffikultuż fir-refgħa snatch fejn refa’ 101 kilo. Ryan Agius irnexxielu jibqa’ tiela’ sal-105 kilo filwaqt li Martin Pisani refa’ 110 kilo. Fir-refa’ Clean & Jerk Agius wasal sar-refgħa tal-120 kilo, Pisani sal-130 kilo u Pulis sal-138 kilo. B’din ir-refgħa Pulis kiser ukoll rekord nazzjonali tal-livell Juniors. Għalhekk Pulis kiseb l-aħjar riżultat overall b’294 punt segwit minn Agius b’277 punt, Pisani b’266 punt u Mifsud b’263 punt.

Il-kompetizzjonijiet kienu rreffjati minn tliet referis femminili - Ramona Borg, Rodienne Balzan u Gayle Caruana. Huma kienu assistiti minn Alfred Ellul Mercer u Jesmond Caruana.

Ir-riżultati pożittivi huma ħidma sħiħa li dawn l-atleti għamlu tul dawn l-aħħar tliet xhur ta’ kampijiet ta’ taħriġ mal-kowċ Sevdalin Marinov grazzi għall-għajnuna mill-Kumitat Olimpiku Malti, Kunsill Malti għall-Isport u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting.

Fi tmiem din il-ġimgħa l-atleti Kieran Mifsud u Rodmar Pulis qegħdin jirrapreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni ġewwa s-Serbja. Huma jinsabu akkumpanjati minn Jesmond Caruana. Fi tmiem din il-ġimgħa wkoll Stephen Borg qed jipparteċipa ġewwa l-Kungress u elezzjonijiet għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll intgħażel sabiex ikun referi waqt il-kompetizzjoni għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġewwa split fil-Kroazja.

More in Sports