Sponsor ġdid u erba’ akkwisti ġodda għal Floriana Basketball Club

Floriana Basketball Club ħabbru l-isponsor ewlieni għall-istaġun 2014-2015 li se jkun Cafe del Mar. It-tim se jissejjaħ bħala Floriana Café del Mar.

L-erba’ akkwisti ġodda ta’ Floriana Basketball Club flimkien mal-President tal-klabb Ian Mercieca u diriġenti tal-istabbiliment u sponsor ġdid Cafè del Mar
L-erba’ akkwisti ġodda ta’ Floriana Basketball Club flimkien mal-President tal-klabb Ian Mercieca u diriġenti tal-istabbiliment u sponsor ġdid Cafè del Mar

Waqt konferenza stampa li saret fl-istabbiliment Café del Mar f’Buġibba, ftit tal-jiem ilu, il-President tal-Klabb, Ian Mercieca qal li dan il-ftehim għen lill-klabb b’mod mhux żgħir sabiex il-klabb ikollu l-aħjar tim possibbli. Café del Mar malajr stabbilixxa ruħu bħala post attraenti. L-istabbiliment jifforma parti mill-kumpless tal-Malta National Aquarium. Café del Mar huwa l-post ideali biex wieħed jirrilassa, jgħum u jgawdi xarba tajba f’atmosfera rilassanti.

Il-President semma’ l-plejers li ġew irreġistrati mal-klabb din is-sena. Nikola Vasovic, huwa wieħed mill-aktar plejers promettenti fil-basketball Malti. Wara seba’ staġuni ma’ Luxol Basketball Club fejn hu pparteċipa u rebaħ numru ta’ kompetizzjonijiet fosthom it-Tazza Louis Borg u l-Kampjonat U/23. 

Plejer ieħor kien Nigel Sultana, meqjus minn ħafna bħala wieħed mill-aħjar talenti tal-ġenerazzjoni tiegħu. Nigel mhux biss se jsaħħaħ l-iskwadra għall-istaġun li jmiss, iżda huwa wkoll protagonist essenzjali għall-futur tal-klabb. Nigel, kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Malti li kiseb midalja tal-fidda fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Ġibiltà f’Lulju li għadda. 

It-tielet plejer huwa Marco Mercieca. Marco, li qatta’ l-karriera kollha tiegħu ma’ Luxol, rebaħ diversi unuri ma’ Luxol inkluż it-Tazza Louis Borg fl-aħħar staġun. Fl-aħħar snin kien ukoll maħtur captain tat-tim.

L-aħħar plejer Malti kien Lee Ross, plejer ta’ talent u fiżika kbira. Lee lagħab l-aħħar staġun ma’ Siġġiewi kif ukoll għamel xi staġuni ma’ Luxol. Fl-aħħar staġun Lee kien ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa plejers fil-kampjonat. 

Flimkien ma’ dawn l-erba’ plejers, Floriana Basketball Club iffirma lill-plejer Amerikan Jules Montgomery. Jules twieled fid-29 ta’ Marzu 1991 u hu ggradwat mill-Prairie View A&M. Huwa lagħab żewġ staġuni konsekuttivi fil-Kampjonat SWAC u kien ippremjat bħala l-Preseason Player SWAC tas-sena. 

Is-Sur Mercieca f’isem il-klabb irringrazzja lill-Viċi-President tal-klabb, Edward Torpiano għax-xogħol iebes tiegħu fin-negozjati u lil S. Ellul ta’ Café del Mar għall-appoġġ tiegħu u l-kollaborazzjoni kollha possibbli għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet. Ellul awgura sena tajba lill-iskwadra tal-Floriana għal dan l-istaġun li beda fl-4 ta’ Ottubru.

More in Sports