Keith Galea viċin li jirbaħ it-titlu għas-seba’ darba

Wara li sar champion ta’ Malta tal-aquathlon, l-ewwel wieħed fl-istorja tat-triathlon ta’ Malta, erbat ijiem wara Keith Galea ħa sehem fit-tielet tellieqa tal-Birkirkara St Joseph Triathlon Series li saret ġewwa Birżebbuġa. L-għan ta’ Galea kien li jkompli jsaħħaħ l-ewwel post fil-klassifika ġenerali.

Keith Galea waqt waħda mit-tiġrijiet tiegħu
Keith Galea waqt waħda mit-tiġrijiet tiegħu

Iċ-champion ta’ Malta telaq b’pass b’saħħtu ħafna fl-għawma ta’ 750m. Mill-ewwel kienu jidhru x’inhuma l-intenzjonijiet ta’ Galea hekk kif tela’ l-ewwel mill-għawma b’vantaġġ tajjeb. Galea għamel l-għawma f’ħin ta’ 10.50. Galea kompla jikkonsolida l-ewwel post tiegħu fir-rota fuq l-eqreb rivali tiegħu. Fl-20km Rota, Galea kien għaddej b’saħħtu ħafna fejn irnexxielu jirreġistra ħin tajjeb ħafna ta’ 33.17 biex kellu vantaġġ komdu qabel beda il-5km ġirja.

It-temp ta’ riħ isfel affetwa ħafna lil kull triatleta li kien qiegħed jikkompeti. Madankollu l atleta ta’ Birkirkara St Joseph xorta kompla jagħti l-almu tiegħu biex rebaħ id-disa’ tellieqa tiegħu tal-istaġun f’ħin ta’ 1.04.17 wara ġirja f’ħin ta’ 18.45 li kienet l-aqwa waħda fost kulħadd. 

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal, Galea qal li jinsab sodisfatt bil-prestazzjoni tiegħu speċjalment fir-rota u fl-għawma fejn għamel ħinijiet tajbin. It-temp ta’ riħ isfel kien wieħed vera qawwi biex għamel it-tellieqa iktar diffiċli speċjalment fil-ġirja fejn ma setax jagħmel il-ħin li xtaq. Madankollu, Galea jinsab sodisfatt għall-fatt li prestazzjoni tajba ħafna bħal din f’temp daqshekk diffiċli tawgura tajjeb għall-aħħar tlielaq importanti tal-istaġun.

It-tliet darbiet champion ta’ Malta tat-triathlon, Keith Galea li huwa taħt l-iskema tal-KMS Elite 20/20 scheme xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu Garmin Malta, BBB Bike Parts Malta, Jaycee Malta, Challenge Malta Marathon, u Starbene Shop tal-Mosta, lill-klabb tiegħu Birkirkara St Joseph, lill-Malta Triathlon Federation u lill-Kumitat Olimpiku Malti tal-appoġġ kontinwu li jtuh.

More in Sports