Keith Galea l-ewwel champion nazzjonali tal-Aquathlon

Keith Galea fl-azzjoni
Keith Galea fl-azzjoni

L-atleta tal-Commonwealth u Champion ta’ Malta tat-triathlon u Duathlon Keith Galea sar l-ewwel champion nazzjonali tal-aquathlon fl-istorja tat-triathlon Maltija. Fil-fatt nhar is-17 ta’ Settembru l-Malta Triathlon Federation organizzat l-ewwel kampjonati Nazzjonali tal-Aquathlon ġewwa Marsaxlokk. It-tellieqa kienet tikkonsisti f’ġirja ta 2.5km, 1km għawma u  wara tispicca b’2.5km ġirja oħra.

Galea mar fuq quddiem mill-bidu biex jipprova jibni vantaġġ fuq ir-rivali tiegħu. Galea għamel żewġ attakki fit-tlajja peress li huwa b’saħħtu ħafna fihom u rnexxielu jiftaħ vantaġġ. Kien biss David Agius Lia ta’ Birkirkara St Joseph li rnexxielu jżomm il-pass maċ-champion ta’ Malta. Iż-żewġ atleti li huma tal-istess klabb, ħatfu l-opportunità u bdew jgħafsu l-pass flimkien biex il-vantaġġ tagħhom ikompli jikber. Galea rreġistra l-aqwa ħin fl-ewwel ġirja f’ ħin ta’ 8.09 minuti.

It-tnejn bdew l-għawma ta’ kilometru flimkien imma Galea beda mal-ewwel bil-pass tas-soltu tiegħu b’saħħtu ħafna, li ħadd ma kien kapaċi jżomm. Allavolja l-baħar kien daqsxejn imqalleb, iċ-champion Malti beda jiftaħ il-vantaġġ tiegħu ma’ kull qadfa fl-għawma. Huwa għamel l-għawma ta’ kilometru f’ħin ta’ 16.15-il minuta li kien l-aqwa ħin tal-ġurnata.

Fit-tieni ġirja ta’ 2.5km, Galea kellu vantaġġ ta’ iktar minn 1.30. Huwa kompla jiddomina dawn il-kampjonati fejn irreġistra l-aqwa ħin fit-tieni ġirja wkoll f’ħin ta’ 9.13 u rebaħ l ewwel Kampjonti Nazzjonali tal-Aquathlon f’ħin ta’ 34.40. David Agius Lia spiċċa fit-tieni post żewġ minuti wara Galea. Graham Borg spiċċa fit-tielet post b’żewġ sekondi biss wara Agius Lia biex ikkompleta l-podju kollu iswed u isfar – il-kuluri tal-klabb ta’ Birkirkara St Joseph.

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal, Keith Galea qal li huwa kuntent u jinsab onorat li sar l-ewwel champion Malti tal-aquathlon fl-istorja. Hija ħolma li saret realtà. Wara xahrejn ta’ taħriġ intensiv, huwa jinsab kuntent bil-prestazzjoni tiegħu. Huwa qed iħares għat-tlielaq li fadallu b’mod pożittiv għax jaf li jista’ jagħmel aħjar.

It-tliet darbiet champion ta’ Malta, Keith Galea li huwa taħt l-iskema Tl – KMS Elite 20/20 scheme jixtieq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu Garmin Malta, BBB Bike Parts Malta, Jaycee Malta, Challenge Malta Marathon, u Starbene Shop tal-Mosta, lill-klabb tiegħu Birkirkara St Joseph, lill-Malta Triathlon Federation u lill-Kumitat Olimpiku Malta tal-appoġġ kontinwu li jagħtuh.

More in Sports