L-ASMK tiġbor €717 għall-Fondazzjoni Arka

Duncan Delia fuq Ford Fiesta fl-azzjoni segwit minn Philip Vella fuq Opel Nova
Duncan Delia fuq Ford Fiesta fl-azzjoni segwit minn Philip Vella fuq Opel Nova

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet bejn is-Sibt 20 u l-Ħadd 21 ta’ Settembru, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat b’suċċess attività bil-karozzi Autocross fis-Sannat Għawdex. Kollox beda f’Mejju li għadda meta l-Ministru għal Għawdex offra l-appoġġ tiegħu għal żewġt attivitajiet li għamlet l-ASMK tagħna dik bil-muturi Enduro li saret f’Mejju li għadda u din tal-karozzi li saret nhar il-Ħadd.

Ix-xogħol fuq il-korsa tal-karozzi dam sejjer ġimgħa b’diversi xogħlijiet saru mill-ħaddiema tal-Gvern u l-uffiċjali tal-ASMK. Waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq il-korsa tal-karozzi, l-Għaqda ddeċidiet ukoll li tagħmel ftit xogħol fil-korsa tal-muturi fin-Nadur, Għawdex stess. Dan sar bi tħaddim tajjeb ta’ riżorsi li kellha l-ASMK f’idejha matul din il-ġimgħa li ġew minn diversi benefatturi kif ukoll bl-għajnuna tal-Ministeru t’Għawdex. L-Assoċjazzjoni tixtieq tirringrazzja lill-familji Cassar u Curmi li ppermettew l-użu tal-art fis-Sannat biex tinbidel f’korsa tal-karozzi temporanja għal ftit jiem kif ukoll diversi għajnuniet li kellha mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija, tar-Rabat u s-Sannat, mill-Korp tal-Pulizija, mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’Għawdex, il-Gozo Sports Board u fl-aħħar u mhux l-inqas grazzi speċjali lill-familja Apap mir-Rabat li assistew lill-uffiċjali tal-ASMK f’kull problema li ltaqgħu magħha matul din il-ġimgħa.

Din l-attività saret biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Arka u grazzi għall-ġenerożità tal-ispettaturi li ġew jaraw u jikkontribwixxu d-donazzjoni tagħhom b’risq il-fondazzjoni fejn inġabret is-somma ta’ €717. Waqt il-preżentatzzjoni lir-rebbieħa Dun Micheal Galea mill-Fondazzjoni Arka rringrazzja lill-Għaqda għal din id-donazzjoni li nġabret fi ftit sigħat il-Ħadd waranofsinhar. Huwa kien impressjonat bil-fatt ta’ kemm hawn dilettanti Maltin u Għawdxin f’dan l-isport u awgura lil kulħadd għal iktar suċċessi. 

Waqt il-preżentazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku tas-Sannat Philip Vella li wkoll għamel kelmtejn tal-okkażjoni u rringrazzja lil kulħadd speċjalment lill-uffiċjali li rnexxielhom fi ftit jiem jibdlu żona f’kumpless sportiv ta’ dan it-tip.

Frans Deguara President tal-ASMK irringrazzja lil kulħadd u qal li jekk l-għajnuna tkun provduta l-Assoċjazzjoni tibqa’ żżomm appuntament ta’ kull sena għall-avvenimenti bħal dawn kemm bil-karozzi kif ukoll bil-muturi f’Għawdex.

Intant, nagħtu ħarsa lejn il-ġurnata li minkejja s-sħana qawwija li kienet, rajna s-sehem ta’ 23 kompetitur li nqasmu f’żewġ klassijiet, dik tas-sewwieqa Maltin u oħra għas-sewwieqa Għawdxin. Fis-Sezzjoni Autocross tal-Maltin rajna lil Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo jiddomina l-heats kollha tal-ġurnata segwit minn Duncan Delia u Andreas Zammit - it-tnejn fuq Ford Fiesta. Minħabba li l-korsa kellha l-limitazzjonijiet tagħha ġie deċiż li l-finali tal-ġurnata tkun b’ħames kompetituri l-waħda fejn ma’ Galea, Delia u Zammit ikkwalifikaw ukoll Philip Vella fuq Opel Nova u Philip Grima fuq Ford Escort. Mat-tluq ta’ din il-finali ta’ Klassi A rajna ħruġ tajjeb minn Vella segwit minn Delia u Zammit. L-attenzjoni mill-ewwel marret fuq Galea li mill-aħħar post beda jissupera wieħed wieħed sakemm ftit qabel tmiem it-tiġrija ħa l-ewwel pożizzjoni u ġie ddikjarat rebbieħ tal-finali A segwit minn Delia u Vella rispettivament.

Fil-Finali ta’ Klassi B ikkwalifikaw Carlos Mifsud u Christian Apap it-tnejn fuq Ford Fiesta, Lucas Pace fuq Honda Civic, Melo Zammit fuq Opel Corsa u Jean Paul Grech fuq Peugeot 106. Mat-tluq ta’ din il-finali rajna lil Apap jagħmel ħruġ tajjeb ħafna tant li ħa mill-ewwel it-tmun tat-tiġrija segwit minn Pace u Mifsud. It-taqtigħa kompliet tkun interessanti bejn Apap u Pace tant li baqgħu flimkien tul din il-finali kollha b’Apap jibqa’ jiddefendi postu sal-aħħar biex ġie ddikjarat rebbieħ segwit minn Pace u Mifsud rispettivament.

Fiż-żewġ finali li kellna mis-sezzjoni Autocross Gozo kellna dawn ir-riżultati. Fl-Autocross Gozo Klassi A spiċċa rebbieħ Dominic Zammit fuq Alfa Sud segwit minn Marvin Grima fuq Opel Corsa u fit-tielet post spiċċa Joseph Gauci fuq Alfa Sud. Fil-Finali Autocross Gozo Klassi B rebaħ Chris Sultana u fit-tieni post spiċċa Derrick Vella. It-tnejn ikkompetew fuq Honda Civic.

Intant, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ħabbret tibdil żgħir fil-kalendarju tal-istaġun 2014/2015 fejn dan l-istagun se jkun qed jibda bis-sezzjoni Enduro bl-ewwel attività ssir nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru fil-Fawwara filwaqt li l-karozzi Autocross u l-Muturi Trials se jibdew l-istaġun fid-19 ta’ Ottubru. Is-Sezzjoni Trials se tagħmel l-ewwel attività fin-Naxxar. Il-bidu tal-istaġun Motocross mistenni jkun imħabbar fil-jiem li ġejjin. Għal iktar informazzjoni żur is-sit elettroniku 

www.asmk.org.mt

More in Sports