Josephine Grima se ttemm il-karriera tal-basketball

Jospehine Grima fl-azzjoni mat-tim nazzjonali femminili tal-basketball matul is-sajf li għadda fl-Awstrija
Jospehine Grima fl-azzjoni mat-tim nazzjonali femminili tal-basketball matul is-sajf li għadda fl-Awstrija

Il-plejer tal-basketball ewlenija f’pajjiżna u captain tat-tim nazzjonali tal-basketball Josephine Grima se tkun qed tirritorna Malta minn Franza fi tmiem dan l-istaġun fejn bħalissa tinsab tilgħab ma’ IFS. Dan ma jfissrix li hi se tkun qed tirtira mill-basketball, iżda se tkun qed tagħti dimensjoni ġdida lill-basketball f’ħajjitha. Dan il-ġurnal tkellem ma’ Josephine Grima nnifisha fi Franza fejn tatna iktar dettalji rigward dan kollu. 

Hija saħqet li “Rigward dan l-istaġun, naħseb li għandna tim żagħżugħ tajjeb. Jien l-ikbar plejer fit-tim u l-kowċ qed jistenna minni li nġib ċertu stabbiltà fit-tim. Kif diġà semmejt, huwa tim żagħżugħ u fil-futur se nkunu qed naraw jekk hux se nkunu kapaċi nirreaġixxu meta jkun hemm bżonn speċjalment waqt logħba diffiċli. Personalment, għalija se jkun sfida kbira l-fatt li se nkun imdawra bi plejers żgħażagħ għalkemm ma nħossx li d-differenza fl-età bejni u bejn il-plejers sħabi se tkun ta’ detriment għat-tim. Inħossni perfettament fit u għalkemm għandi injury li ili nsofri minnha sa minn Jannar li għadda minħabba l-fatt li ma kellix ċans biżżejjed biex nirkupra bejn l-impenji li kelli relatati mal-kampjonat u mat-tim nazzjonali, naf kif nista’ ngħix biha u flimkien mat-terapija u xi riabilitazzjoni, ninsab lesta li jkolli staġun tajjeb. Tajjeb ngħidu li dan se jkun l-aħħar staġun tiegħi bħala plejer tal-basketball professjonali. 

Dan l-istaġun huwa wieħed mill-iktar importanti għalija minħabba l-fatt li rrid intemm il-karriera professjonali tiegħi fil-basketball wara 10 snin nilgħab fl-Italja, is-Slovakkja, l-Isvezja u Franza fuq nota tajba. Irrid li dan l-istaġun ikun wieħed li nibqa’ niftakru u se nkun qed nagħmel ħilti kollha biex inġib lil dan it-tim l-esperjenza kollha li ksibt matul dawn l-aħħar 10 snin. 

Il-Kampjonat beda fl-20 ta’ Settembru u lgħabna l-ewwel logħba tagħna ġewwa darna. Kien hemm snin li fihom kont qed naħseb li ntemm il-karriera tiegħi iżda ma ridtx nieħu deċiżjoni għax ma kontx daqshekk sodisfatta bl-andament tiegħi matul dak l-istaġun partikolari. Ma ridtx li nieħu deċiżjoni li mbagħad kien jibqa’ jiddispjaċini minnha u komplejt nistinka u spiċċajt nilgħab f’postijiet li kont kuntenta nilgħab fihom u fejn il-persuni kienu jirrispettawni. 

Iddeċidejt li din se tkun l-aħħar sena tiegħi bħala plejer professjonali tal-basketball biex b’hekk inkun nista’ nipprepara ruħi sew mentalment għal dik li nsejħilha t-transizzjoni tal-atleta. Wara 10 snin nagħmel l-istess ħaġa u dik biss, mhuwiex faċli biex nerġa’ lura għal dik li hi msejħa bħala ‘ħajja normali’, iżda llum nista’ ngħid li ninsab lesta għal din l-isfida ġdida f’ħajti, pożittiva u qed inħares ’il quddiem.

Il-fatt li fi tmiem dan l-istaġun ġejja lura Malta ma jfissirx li mhux se nkompli nilgħab basketball. Ifisser biss li se nkun qed inbiddel il-mod ta’ kif se nkun qed nilgħab. Fl-aħħar mill-aħħar li tkun plejer professjonali tal-basketball ma jfissirx biss li tilgħab u titħallas għalhekk. Niftakar li meta bdejt nilgħab basketball fl-età ta’ 13 / 14 –il sena kont nitħarreġ u nilgħab bl-istess mentalità ta’ plejer professjonali, b’ħafna dedikazzjoni u qatt ma fallejt sessjoni ta’ taħriġ waħda. Kont inħobb nilgħab, għalkemm ma kontx nitħallas ċenteżmu wieħed! 

More in Sports