Ħames midalji għal żgħażagħ Maltin fir-Repubblika Ċeka

L-atleti żgħażagħ Maltin li kisbu suċċess kbir f’Brno fir-Repubblika Ċeka ftit tal-jiem ilu
L-atleti żgħażagħ Maltin li kisbu suċċess kbir f’Brno fir-Repubblika Ċeka ftit tal-jiem ilu

Għal sena oħra l-Assoċjazzoni Maltija tal-Atletika (MAAA) ħadet sehem b’kontinġent ta’ erbatax-il żgħażugħ u żagħżugħa fil-kompetizzjoni Ewropea tal-Atletika għal atleti taħt il-ħmistax-il sena, ġewwa Brno fir-Repubblika Ċeka, fejn ipparteċipaw sittax-il pajjiż Ewropew.

L-ewwel midalja f’din il-kompetizzjoni ntrebħet minn Edward Bezzina fix-shot put fejn b’tefgħa ta’ 14.18m mhux biss kiseb it-tielet post u rebaħ il-midalja tal-bronż, iżda wkoll kiser ir-rekord nazzjonali fil-kategorija Youths, liema rekord kien stabbilit minnu stess aktar kmieni din is-sena. Edward kellu kompetizzjoni ħarxa f’din id-dixxiplina fejn kien hemm numru ta’ atleti mil-Lvant tal-Ewropa li huma ferm magħrufin għal din id-dixxiplina.

L-atleta Liam Mckay kien ukoll protagonist f’din il-kompetizzjoni fejn ġie l-ewwel post fil- b’qabża ta’ 1.63m fil-‘high jump’. Din il-midalja kienet l-ewwel waħda li Malta rebħet f’din id-dixxiplina f’din il-kompetizzjoni. B’din il-qabża Liam kiser ukoll ir-rekord nazzjonali fil-kategorija kadetti quddiem kompetituri li kienu ferm itwal minnu. 

It-tielet midalja għal Malta ntrebħet mill-atleta Matthew Portelli li b’ġirjiet konsistenti fil-heats għadda għall-final tal-150m fil-kategorjia kadetti fejn ġie t-tieni post b’midalja tal-fidda b’ħin ta’ 18.61 sekonda.

It-tim tal-kadetti tas-subien magħmul minn Omar Elaida Chaffey, Liam Mckay, Matthew Portelli u Jacob Elaida Chaffey kien iffukat u dixxiplinat sabiex rebaħ ir-raba’ midalja għal Malta meta fil-final tal-4x60m relay spiċċa fit-tieni post b’midalja oħra tal-fidda b’ħin tajjeb ta’ 31.29 sekonda.

L-aħħar suċċess għall-kontinġent Malti wasal mit-tim tar-relay tal-Youth tas-Subien it-tim magħmul minn Luke Scicluna, Stefano Pace Parascandalo, Michak Pavia u Miguel Grixti daħlu fit-tieni post fid-dixxiplina tar-relay 4x 60m. B’dan ir-riżultat mhux biss rebħu l-ħames midalja għal Malta iżda wkoll kisru r-rekord nazzjonali f’din id-dixxiplina għall-kategorija tagħhom permezz ta’ teknika u dixxiplina tal-ogħla livell f’ħin ta’ 28.55 sekonda. 

Apparti dawn is-suċċessi wieħed irid jinnota wkoll fost l-oħrajn il-prestazzjonijiet tajbin ħafna tal-atleti promettenti Cathriona Cuschieri li ġiet ir-raba’ fil-finali tax-shot put tat-tfajliet Youth; Nicole Attard Glivau li għaddiet għall-finali Youth kemm fil-150 metru u s-60 metru u ta’ Haley Buttigieg li għaddiet għall-finali tal-150 metru. Żewġ atleti oħra li taw prestazzjoni tajba kienu Ian Pace fl-1,500m Youth Boys u Miriam Gauci fl-1,500 Youth Girls. 

Il-Kontinġent Malti kien immexxi minn Mauro Pace Parascandalo, Viċi President MAAA, u minn Anthony Fava, Segretarju Internazzjonali MAAA.

More in Sports