Savio AC jorganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali

Fr Eric Cachia jippreżenta tifkira lil Matthew Croker
Fr Eric Cachia jippreżenta tifkira lil Matthew Croker

Minkejja li fl-istess żmien u li fl-istess post, l-ambitu tal-Laqgħa Ġenerali Annwali 2014 tal-klabb tal-atletika ta’ Savio AC, huwa totalment differenti mill-ewwel wieħed li kien sar minn wara r-riorganizzazjoni tal-klabb propju s-sena l-oħra. 

F’temp ta’ sena, il-grupp ta’ eks studenti ta’ Savio AC li bdew it-triq biex jerġgħu jqajmu l-klabb irnexxielhom iqajmu l-interess fil-klabb. Saru passi kbar ’il quddiem, kemm f’dak li huwa użu tal-faċilitajiet fil-Kulleġġ Savio, kif ukoll biex tiġi ffurmata komunità ta’ nies li tgħaqqad flimkien il-komunitajiet kollha Salesjani, filwaqt li ġġeddidhom b’membri ġodda, permezz tal-isport.

Matul id-diskors tiegħu, Matthew Croker, il-president ikkonfermat ta’ Savio AC, spjega kif il-klabb qiegħed jikkontribwixxi lejn it-trawwim ta’ interess mill-ġdid lejn l-atletika, b’mod partikolari lejn ir-Road Running, permezz ta’ attivitajiet organizzati mill-istess klabb bħalma huma r-Round Malta Relay u t-tiġrija tal-10km f’Ħad-Dingli.

Xi ħaġa ġdida għax-xena atletika Maltija hi s-sħubija bejn La Salle AC, Athletix Gozo u Savio AC li ġiet imħabbra f’din il-laqgħa. Din is-sħubija tikkonsisti fit-tqassim ta’ riżorsi bejn dawn l-istess klabbs sabiex jgħinu lil xulxin jikbru. Ġew mogħtija premjijiet lill-atleti li matul dan l-istaġun iddistingwew ruħhom, mill-President tal-MAAA (Malta Amateur Athletics Association) Edwin Attard.

Wara t-tħabbir tas-sistema ġdida tat-tmexxija tal-klabb, il-President spiċċa billi rringrazzja lil dawk kollha li kkontribwixxew matul l-istaġun ta’ qabel, b’mod speċjali lil Fr Eric Cachia, kap tal-Kulleġġ Savio. Huwa mill-ġdid awgura lil dawk kollha preżenti li lkoll kienu hemm għax ġew ispirati minn xi ħadd u kellhom ix-xewqa li jirnexxu u jgħinu lil oħrajn jirnexxu, kif ukoll għax għamlu l-għażla li wasslithom jagħżlu lil Savio AC u mhux lil xi klabb ieħor.

More in Sports