Rebecca Sare’ determinata li tkompli tikseb suċċess

Rebecca Sare’ waqt il-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, l-Iskozja, ftit tal-ġimgħat ilu
Rebecca Sare’ waqt il-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, l-Iskozja, ftit tal-ġimgħat ilu

L-atleta ewlenija Maltija tat-triple jump u mhux biss, Rebecca Sare’ tinsab ferm determinata li tkompli tikseb suċċess wara l-ieħor fi ftuħ ta’ staġun ieħor tal-atletika. Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Sare’ nnifisha fejn talabha l-kummenti tagħha rigward kif qed tħares lejn dan l-istaġun il-ġdid. 

“L-aħħar staġun kien l-aqwa staġun li kelli s’issa fl-atletika. L-għan mill-bidu nett kien li ntejjeb ir-rekord nazzjonali tat-triple jump. Flimkien mal-kowċ tiegħi ħdimna iktar fuq il-veloċità matul dan l-aħħar staġun, biex b’hekk inkun nista’ ntejjeb l-kwalità tal-qabża tiegħi. Nista’ ngħid li din it-tattika fetħitli bosta bibien ġodda, dan għaliex irnexxieli ntejjeb il-ħin tiegħi kemm fis-60 metru – fejn irreġistrajt l-aħjar ħin lokali tal-istaġun flimkien ma’ Rachel Fitz (7.85 sekondi), kif ukoll tejjibt il-ħin personali tal-100 metru (12.35 sekondi). B’din tal-aħħar irnexxieli nassigura posti fit-tim tar-relay tan-nisa fil-Logħob tal-Commonwealth li saru ġewwa Glasgow.

L-esperjenza fil-Logħob tal-Commonwealth kienet esperjenza li qabel kont naraha biss fil-ħolm, però saret realtà. Il-fatt li tqatta’ ġimagħtejn tgħix u torqod fl-istess villaġġ, u tiekol ħdejn l-aqwa atleti tad-dinja tagħmilha diġà esperjenza unika fiha nnifisha. Fil-kompetizzjoni tat-triple jump ċerti wċuħ tal-kompetituri kienu diġà familjari għax kont iltqajt magħhom fil-Logħob tal-Universitajiet f’Kazan fl-2013. Oħrajn kienu familjari għax kienu diġà xi champion tad-dinja f’xi kampjonati tal-atletika, jiġifieri huwa diġà sodisfazzjon kbir li rnexxieli nkun parti minn dil-kompetizzjoni flimkien ma’ atleti ferm stabbiliti.

Il-kompetizzjoni tal-Commonwealth, temmet l-istaġun tiegħi tal-2014. Sodisfatta ħafna li rnexxieli nagħlqu b’rekord nazzjonali tat-triple jump, kif ukoll bl-iktar ġirja importanti f’ħajti waqt il-heats tal-4x100m flimkien ma’ Rebecca, Diane, u Rachel. Bla dubju ta’ xejn, esperjenza bħal din tatni iktar sens ta’ motivazzjoni u determinazzjoni biex naħdem iktar għall-istaġun li ġej. 

Is-sajf tiegħi nista’ ngħid kien daqsxejn qasir, għax wara erba’ ġimgħat ta’ mistrieħ għal darb’oħra bdejt bit-taħriġ. Settembru huwa x-xahar li nibdew bil-mod, bħala preparazzjoni għat-taħriġ iebes tal-pre-season. Sa Ottubru nkunu lesti biex inżidu l-‘load’ tagħna fit-taħriġ kif ukoll jibdew s-sezzjonijiet doppji. Dan ifisser li l-ġurnata tiegħi tibda bl-ewwel sessjoni ta’ taħriġ fis-6am qabel nibda l-ġurnata tax-xogħol tiegħi, u wara x-xogħol nerġa’ lura t-trakka għat-tieni sessjoni ta’ taħriġ. L-istaġun tal-kompetizzjonijiet jibda fi Frar, fejn sa April nimmira li nilħaq l-MQS għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar biex b’hekk ikun baqagħli madwar sitt ġimgħat għall-aħħar preparamenti għall-kompetizzjonijiet prinċipali tal-istaġun.

Minn meta kont iżgħar l-għan tiegħi minn dejjem kien wieħed – dak li dejjem intejjeb x’inkun għamilt l-istaġun ta’ qabel. B’dan t-tir f’moħħi, żgur li sa fl-aħħar nasal fejn nixtieq nasal. Bla dubju għal dan l-istaġun 2015 l-għan jibqa’ l-istess. Dan ifisser li ntejjeb id-distanza nazzjonali tat-triple jump u nirreġistra ħin aktar veloċi fil-100 metru. Però l-għanijiet ewlenin tal-istaġun li ġej huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru ġewwa l-Iżlanda, fejn qed naspira għall-midalja oħra għal Malta, u l-Logħob Ewropew fl-Azerbaijan li se jsiru għall-ewwel darba. 

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-MAAA u l-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) tal-għajnuna kollha tagħhom matul dan l-aħħar staġun.” 

More in Sports