Hibs b’punti massimi minn ħames logħbiet

Hibernians.    3

Pietà           1

Hibernians iddominaw għal kollox lill-avversarji tagħhom Pietà Hotspurs biex għelbuhom bl-islor ta’ 3-1 biex baqgħu b’punti massimi minn ħames logħbiet. 

Kienu Hibernians li kif mistenni ħolqu l-ewwel periklu meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jackson Lima għadda ftit għoli. Il-Pawlisti komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara, wara ġirja fuq il-linja xellugija ta’ Jorge da Silva Pereira, dan ixxuttja iżda ra l-ballun jgħaddi barra. 

Pietà Hotspurs rrispondew fid-19-il minuta meta Zacarias avvanza tajjeb fil-kaxxa ssikkat minn difensur ta’ Hibernians iżda ra x-xutt tiegħu mdawwar f’korner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Henry Bonello. Pietà Hotspurs komplew joħolqu l-periklu meta Zacarias irċieva l-ballun mil-lemin mingħand Frances li ra x-xutt tiegħu jiġi salvat mill-eks goalkeeper ta’ Sliema Wanderers, Henry Bonello. Fis-36 minuta Jackson Lima ra x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa jiġi salvat f’corner mill-goalkeeper tal-Hotspurs, Cassar. 

Fl-44 minuta Jorge Pereira da Silva għadda tajjeb lejn Edison Luis dos Santos li iżda kien ferm sfortunat, hekk kif kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu jistampa mal-mimduda. Iżda, finalment il-Pawlisti rnexxilhom isibu x-xibka minuta biss wara meta Edison Luis dos Santos krossja lejn Jorge da Silva Pereira li bir-ras tefa’ fix-xibka permezz ta’ lob delizzjuż, bil-ballun jgħaddi minn fuq ras David Cassar.

Hibs komplew juru s-supremazija assoluta tagħhom fit-tieni taqsima fejn ikkontrollaw għal kollox lill-avversarji tagħhom u skorjaw it-tieni u t-tielet gowl fil-logħba permezz ta’ Jorge Pereira da Silva biex skorja doppjetta personali u permezz tal-plejer ineternazzjonali Clayton Failla. Pietà Hotspurs skorjaw il-gowl tal-bandiera fil-81 minuta permezz ta’ Rafael Xavier Zacarias. 

Hibernians - Bonello, Gomes (Pearson 82), Soares, Tabone Desira, Cohen, Kristensen (Bezzina 77), Failla, Lima, Agius, Dos Santos (Degabriele 69), Da Silva Pereira

Pietà H. - Cassar, Attard (Anonam 70), Grech, Fortunato Dos Santos, Pisani, Cassar, Tasic (Gabriel Joao da Silva 59), Agius, Frances, Zacaraias,Rodrigues Da Silva

Referi - Sandro Spiteri

Jorge Pereira da Silva

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Twieled fl-4 ta’ Diċembru 1985 fil-Brażil

Skorja doppjetta f’din il-logħba

Qabel ingħaqad ma’ Hibernians, kien jilgħab ma’ Qormi

Ingħaqad ma’ Hibernians matul dan is-sajf

More in Sports