Malta t-tielet fit-tazza tad-dinja

It-tim nazzjonali Malti tat-Table Football li rebaħ il-medalja tal-bronż fil-Belġju
It-tim nazzjonali Malti tat-Table Football li rebaħ il-medalja tal-bronż fil-Belġju

It-tim Nazzjonali Malti tat-Table Football kompost minn Mark Gauci, Joe Mifsud, Angelo Borg, Massimo Cremona, Charlie Aquilina u l-President tal-MTFSA Joe Zammit Pavia, rebaħ il-midalja tal-bronż fit-tazza tad-dinja ta’ dan l-isport li saret f’Rochefort, il-Belġju.

Malta kienet fi grupp 2 u rebħet lil Wales 4-0, lill-Olanda 3-0 u tilfet 3-1 mal-Italja, li eventwalment rebħet it-tazza tad-dinja. B’dawn ir-riżultati Malta kkwalifikat għall-fażi tal-aħħar tmienja u rebħet lill-Portugall biex għaddiet għas-semi finali fejn tilfet ma’ Spanja. Peress li f’dan l-isport ma tintlagħabx logħba għat-tielet jew raba’ post, Malta awtomatikament spiċċat it-tielet flimkien mal-Belġju.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius bagħat l-awguri tiegħu lil dan it-tim li reġa’ għamel unur lill-pajjiżna fost il-ġganti f’dan l-isport.

More in Sports