Żejtun Corinthians iniedu l-iskwadra għall-istaġun 2014/15

L-akkwisti l-ġodda ta’ Żejtun Corinthians flimkien ma’ membri tal-kumitat u l-kowċ waqt il-preżentazzjoni tal-iskwadra għall-istaġun 2014/15
L-akkwisti l-ġodda ta’ Żejtun Corinthians flimkien ma’ membri tal-kumitat u l-kowċ waqt il-preżentazzjoni tal-iskwadra għall-istaġun 2014/15

Ftit tal-jiem ilu nżammet konferenza stampa minn Żejtun Corinthians FC li l-qofol tagħha kien jikkonsisti fil-varar tal-istaġun 2014/2015 fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni.

Il-konferenza ngħatat bidu mis-Segretarju tal-Club Shalom Mercieca fejn fid-diskors tiegħu ta merħba lil dawk kollha preżenti. Huwa qal ukoll li l-kumitat kien ilu jaħdem għal din l-iskwadra għal dawn l-aħħar xhur.

Il-proċess beda billi kisbu l-kowċ Edward Azzopardi u l-assistent kowċ Darren Vella. Żewġ ismijiet marbutin mat-tim taż-Żejtun Corinthians fejn taw is-servizz tagħhom lil Club bħala plejers. Kompla jissaħħaħ it-tim tekniku bil-preżenza tal-maniġer tat-tim Albert Cumbo, Ritchie Curmi li għandu esperjenza kbira f dan il qasam, kif ukoll l-eks captain tat-tim għal dawn l-aħħar snin Charlo Magro. Apparti hekk anke għat-tim tal-minors se jkun hemm l-għajnuna tal-eks plejer Darren Vella sabiex bl-esperjenza tiegħu nkomplu ntellgħu aktar tfal min-nursery fl-ewwel tim. Sabiex it-tim jiffunzjona b’mod professjonali l-kumitat ħaseb li jkollu physical trainer u physio u b’hekk kiseb is-servizz ta’ Joseph Buttigieg.

Shalom Mercieca semma li l-iskwadra għal dan l-istaġun se tkun magħmula minn Abela Kenneth, Abela Alan, Aquilina Stephen, Borg Matthew, Busutill Gary, Camilleri Vince, Felice Justin, Formosa Kurt, Pisani Matthew, Portelli Andy, Scicluna Margeith, Sell Ryan, Tabone Jurgen, Vassallo Karl, Vella Jean Matthias, Vella Julian u Zahra Daniel. Se jkunu qed jiffurmaw parti mill-iskwadra wkoll żewġ plejers tan-nursery li huma promittenti u li kienu on loan fl-istaġun li għadda. Dawn huma Mifsud Jamie li kien misluf lit-tim ta’ Hibernians, u Tabone Neil li kien misluf lit-tim ta’ Floriana dan tal-aħħar kien fl-iskwadra tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena u issa jinsab mal-iskwadra ta’ taħt id-19-il sena fejn fil-jiem li għaddew ta rebħa lit-tim nazzjonali Malti fl-aħħar minuti tal-partita ta’ ħbiberija kontra t-tim ta’ ACR Messina. 

Apparti minn hekk l-iskwadra kompliet tissaħħaħ permezz tal-barrani Mendes Da Silva Diones 

Shalom qal li b’din l-iskwadra l-kumitat qed iħares b’mod pożittiv u li kapaċi sabiex niksbu riżultati pożittivi u jkunu sfidanti għall-promozzjoni. Huwa temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-istampa u lis-supporters preżenti.

Wara sar id-diskors mill-President tal-klabb in-Nutar Reuben Debono fejn kienet se tkun l-ewwel konferenza stampa tiegħu bħala President tal-Klabb taż-Żejtun Corinthians. Irringrazzja lill-ġurnalisti kollha li attendew għall-konferenza stampa. Żied jgħid li huwa ta’ unur għalih li jkun President ta’ klabb bi storja twila sa mill-1943. 

Il-President jemmen li bl-iskwadra u l-ismijiet tal-plejers se jkun tim b’saħħtu, magħqud kif ukoll tim rebbieħ u flimkien mal-kumitat qed iħares lejn l-istaġun għal wieħed pożittiv.

Il-President tal-klabb kompla bir-ringrazzjamenti tiegħu lis-sostenituri li jattendu bi ħġarhom anke waqt il-friendlies li saru, kif ukoll lill-membri kollha tal-kumitat għax-xogħol volontarju li jwettqu f’dan il-klabb. 

Il-kaxxier Melvyn Darmanin semma li x-xewqa ta’ kull Żejtuni hija li l-klabb jikkompeti fl-ogħla diviżjonijiet fil-futbol Malti. Qal li l-isfidi finazjarji huma kbar ħafna u li kieku ma tkunx l-għajnuna finanzjarja tal-isponsors u sostenituri jkun diffiċli sabiex iżżomm klabb kompetittiv. Huwa qal li l-klabb se jkun qed jieħu qed imexxi l-finanzi bl-aktar mod għaqli u responsabbli filwaqt li jkun xorta waħda kompetittiv.  

Il-kaxxier ikkonkluda billi semma li biex tipprova żżomm bilanċ bejn li jkollok tim kompetittiv u ma tagħmilx użu żejjed tar-riżorsi limitati hija għadma iebsa u rringrazzja anke lill-plejers li jifhmu dan u li jagħżlu li jilbsu l-flokk taż-Żejtun Corinthians mhux għall-aspett monetarju imma għall-għaqda li jsibu f’dan il-klabb u għax-xewqa li jgawdu ftit minn dak il-briju u l-entużjażmu li jafu joħolqu l-partitarji Żwieten.

More in Sports