Balzan jixxukkjaw lil Birkirkara fil-ħin miżjud

Birkirkara    2

Balzan         3

Balzan ixxukkjaw lil Birkirkara meta għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2 bit-tielet u l-aħħar gowl għalihom jasal propju fil-ħin miżjud mill-eks plejer ta’ Vittoriosa Stars Oscar Dario Guerrero. Birkirkara kellhom lil Gareth Sciberras u Edmond Agius neqsin. Min-naħa l-oħra Balzan kellhom lil Dylan Grima nieqes minħabba li kien qed jiskonta sospensjoni. 

Rimarakabbli huwa l-fatt li f’din il-logħba rajna żewġ doppjetti minn Liliu u Jean Pierre Mifsud Triganza għal Birkirkara u Balzan rispettivament waqt li tajjeb niftakru li Mifsud Triganza kien qed jiskorja din id-doppjetta kontra l-eks tim tiegħu Birkirkara fejn niftakruh jilgħab magħhom fejn kien meqjus bħala s-super sub qabel ingħaqad ma’ Valletta biex imbagħad sieħeb lil Balzan. 

Birkirkara fetħu l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ Liliu iżda ma tantx damu jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif fl-34 minuta Jean Pierre Mifsud Triganza ġab l-iskor indaqs għal Balzan. Però l-Istripes reġgħu marru fil-vantaġġ fit-43 minuta b’Liliu jerġa’ jirnexxielu jsib ix-xibka, biex b’hekk Birkirkara daħlu jistrieħu gowl minn fuq. Iżda Balzan reġgħu ġabu l-iskor indaqs fis-60 minuta għal darb’oħra permezz ta’ Jean Pierre Mifsud Triganza. 

Iżda bħal fil-logħba bejn Mosta u Naxxar Lions, kellu jkollna wkoll tmiem drammatiku f’din il-logħba hekk kif propju bi tliet minuti fuq il-ħin miżjud Oscar Dario Guerrero rnexxielu jsib ix-xibka biex tefa’ lill-partitarji ta’ Balzan f’delirju ta’ ferħ, biex ta lil Birkirkara l-ewwel telfa f’dan l-istaġun wara biss erba’ logħbiet mill-ftuħ tal-Kampjonat BOV Premier. 

Birkirkara - Haber, Bissi, Morais, Vukanac, Ledesma, Gonzaga, Fenech, Muscat, Scicluna, Herrera, Camenzuli 

Balzan - Sultana, Grioli, Bezzina, Serrano, Zarate, Guobadia, Brincat, Micallef, Guerrero, Mifsud Triganza, Piccioni 

Referi - Marco Borg

Oscar Dario Guerrero

Twieled f’Bogota fil-Kolumbja

Jilgħab fl-irwol ta’ attacking midfielder

Skorja l-gowl li ta tliet punti prezzjużi lil Balzan fil-ħin miżjud

Huwa wieħed mill-akkwisti li għamlu Balzan matul dan is-sajf

More in Sports