Balzan FC Futsal jiksbu suċċess fil-Kroazja

Balzan FC Futsal jagħmlu isem għal pajjiżna fil-Kroazja
Balzan FC Futsal jagħmlu isem għal pajjiżna fil-Kroazja

Ħadd ma kellu dubju mill-potenzjal ta’ Dobre u Raducu fix-xena tal-futsal iżda ftit tal-jiem ilu t-tliet Rumeni l-oħra Tony Safar, Andrea Dan u Adrian Panzaru spiċċaw biex kienu l-protagonisti fir-rebħa taċ-Champions Maltin tal-Futsal, Balzan, kontra Kobenhavn, tad-Danimarka.

L-iktar Tony Safar u Adrian Panzaru li bl-esperjenza tagħhom għenu bil-kbir f’din ir-rebħa li ġiet immaturata gradwalment wara bidu perfett b’sistema li pprepara Dobre.

Safar skorja żewġ gowls iżda ma ġiex innutat biss għall-gowls li skorja għaliex kien determinanti fil-kostruzzjoni ta’ kull azzjoni meta kien fil-court. Panzaru min-naħa tiegħu kien sod u dejjem ta assists perfetti u meta kellu ċ-ċans qabeż lill-avversarji.

L-avversarji Champions Daniżi mhumiex fil-livell ta’ Alumnus iżda xejn ma jnaqqas mill-mertu ta’ din ir-rebħa li tat garanzija lil Balzan li jispiċċaw it-tieni fi Grupp F ta’ din il-fażi preliminari.

Emil Raducu fetaħ l-iscore wara erba’ minuti wara li rċieva mingħand Dobre għal 1-0 u wara gowl mill-isbaħ ta’ Tony Safar wara set piece minn korner ta’ Raducu. Balzan kellhom żewġ okkażjonijiet oħra fejn setgħu kabbru l-iskor iżda Marev u Dan fallew rispettivament meta laqa’ l-goalkeeper Grauland. It-3-0 wasal minn xutt potenti ta’ Dobre b’kunfidenza liema bħala. Ma’ dan il-vantaġġ daħlu jilagħbu Glenn Bonello, Carlos Scicluna, Boycho Marev (li kien daħal ftit qabel) u Andre Dan, fejn dawn kellhom ħinijiet twal fil-court jilagħbu tajjeb.

Wara ftit ħin mill-ftuħ tat-tieni taqsima Dobre daħħal jilgħab lil Farrugia flok il-goalkeeper Xerxen bil-goalkeeper ta’ Gudja FC ma jfallix ballun u kien perfett kull meta ddaħħal jilgħab bis-sieq matul il-logħba. Farrugia wettaq żewġ saves tajbin ukoll meta d-Daniżi tefgħu kollox fuq l-attakk.

Fi-tieni taqsima Balzan għalqu l-logħba permezz ta’ goal ta’ Safar minn kontrattakk u dan wara għamilhom 5-0 meta l-avversarji bdew jilagħbu bil-flying keeper u nqabdu fuq sieq waħda.

Bil-moral għoli u daqsxejn rilassament id-Daniżi skorjaw tliet darbiet permezz ta’ Clifford darbtejn u Caridad kollha meta huma bdew jilagħbu bil-flying keeper.

Tmiem il-partita ġab ferħ u sodisfazzjon mill-kontingent ta’ Balzan u mill-partitarji li telgħu f’Zagreb għal din il-kompetizzjoni.

Formazzjonijiet:

Balzan FC: N. Farrugia, M. Xerxen, G. Dobre, G. Sammut, B. Marev, M. Zammit, A. Dan, A. Panzaru, C. Scicluna, E. Raducu, T.Safar, Z.Anicic, N.Del Re, G.Bonello

Kobenhavn: E. Graulund (GK), B. Benarb, N. Christensen, I. Al-Faour, N. Cobus Ullvius, M. Ajanne, C.Cliford, N. Kongsbrig, J.Bothman, J. Sanz Caridad, L. Jensen, C Haberrecht (GK), J. Berlin, M. Findlen

More in Sports