Muscat jibbrilla fl-Endurance Race

Manuel Muscat fuq Opel Corsa - Rebbieħ tal-ġurnata
Manuel Muscat fuq Opel Corsa - Rebbieħ tal-ġurnata

Nhar is-Sibt 30 t’Awwisu 2014 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat l-ewwel attività minn sensiela ta’ attivitajiet tas-sajf qabel jibda l-istaġun il-ġdid. Ġiet organizzata tiġrija Autocross Endurance Race li ddum siegħa sewqan u dawra li għall-ewwel darba ġiet irreġistrata wkoll fil-Malta Records bħala l-itwal tiġrija bl-istess karozzi fil-korsa. Minħabba li din it-tiġrija ddum siegħa biss il-kumitati Motocross u Enduro organizzaw EnduroCross qabel beda l-programm tal-karozzi f’din il-ġurnata. Din kienet suċċess u ħadu sehem fiha 47 kompetitur bejn karozzi u muturi.

Intant, nagħtu ħarsa lejn x’ġara matul il-ġurnata fejn żewġ klassijiet ġew iffurmati għall-kompetizzjoni Endurocross. Għall-ewwel darba rajna l-korsa tal-Motocross tinbidel kemm fid-direzzjoni tagħha kif ukoll b’diversi ostakli mpoġġija apposta fil-korsa. Dan bidel l-element minn Cross għal Endurocross biex kull tip ta’ Mutur Enduro u Cross seta’ jieħu sehem. Dan ħalla riżultat tajjeb fuq il-membri tal-Assoċjazzjoni għall-fatt li ħadu sehem 27 kompetitur.

It-tiġrija kienet maqsuma f’żewġ partijiet - dik ta’ kwalifikazzjoni u finali li kienu jikkonsistu f’għaxar minuti kull tiġrija. Fl-ewwel finali li rajna James Zahra fuq mutur Yamaha għamel ħruġ tajjeb ħafna flimkien ma’ Matthew Gauci fuq mutur KTM. Zahra u Gauci kienu segwiti minn Matthieu Solomon fuq KTM u Edward Ciantar fuq Kawasaki fejn dan tal-aħħar mill-ewwel deher jagħmel pressjoni fuq Solomon sakemm ftit qabel it-tmiem fit-tieni dawra Ciantar avvanza pożizzjoni fejn beda mill-ewwel inaqqas id-distakk ma’ Gauci sakemm irnexxielu jissuperah ukoll. Ir-riżultat finali spiċċa b’Zahra rebbieħ segwit minn Ciantar u Gauci. Fir-raba’ post spiċċa Alex Sant Fournier fuq KTM.

Fit-tieni finali rajna lil Franċiż Pierre Jourdan fuq mutur KTM jagħmel ħruġ tajjeb ħafna tant li seraq mill-ewwel it-tmun tal-finali segwit minn Elvin Debono fuq mutur Kawasaki u Vince Farrugia fuq Yamaha. Dawn it-tliet kompetituri żammew posthom tul il-finali. Jourdan qata’ l-linja tal-finish segwit minn Debono u Agius. Fir-raba’ post spiċċa Alviro Borg fuq Yamaha.

Għall-ħabta tat-8pm il-korsa f’Ta’ Qali nbidlet taħt id-dawl artifiċjali fejn mill-ewwel bdew il-preparamenti biex tibda din it-tiġrija ta’ siegħa bil-karozzi Autocross. Diversi uffiċjali tal-Malta Records li kienu fuq il-post segwew bir-reqqa r-regolamenti kollha ta’ din it-tiġrija sakemm kollox kien kjarifikat u ngħata l-Go Ahead biex tkun tista’ tibda din it-tiġrija li għaliha ħadu sehem għaxar karozzi li magħhom ħadu sehem 20 kompetitur.

Fuq l-istarting line rajna lil Philip Grima fuq Ford Escort, Andreas Zammit fuq Ford Fiesta, Darren Magro fuq Ford Fiesta, Noel Zammit fuq Hillman Imp, Manuel Muscat fuq Opel Corsa, Roderick Debono fuq Mazda, Rennie Sciberras fuq Honda Civic, Jurgen Mallia fuq Honda Civic, Jurgen Camilleri fuq Opel Corsa u Gordon Johnson fuq Ford Escort.

Mat-tluq ta’ din it-tiġrija rajna diversi tattiċi kif kull tim kellu jadatta għal din it-tiġrija. Min beda bil-mod biex jibża’ għall-karozza u min beda b’saħħtu mill-ewwel. Fost dawk li bdew jirreġistraw fuq quddiem rajna lil Muscat li fit-tim tiegħu kien waħdu bħala sewwieq. Fit-tim ta’ Johnson kien hemm ukoll Andrew Pisani bħala t-tieni sewwieq. Fit-tim ta’ Magro miegħu kien hemm Carlos Mifsud. Dawn it-tliet ismijiet kienu dejjem fuq quddiem. Magħhom kien hemm ukoll it-tim ta’ Roderick Debono li miegħu kellu żewġ sewwieqa oħra, Manuel Vella u Philip Vella imma lejn l-aħħar ukoll kellu jnaqqas il-veloċità minħabba problema fil-magna. Tim ieħor li kien sejjer tajjeb huwa ta’ Zammit Andreas li flimkien miegħu kien hemm Joseph Micallef bħala t-tieni sewwieq imma sfortunatament minħabba puncture kellu jnaqqas u jkompli bil-mod sal-aħħar.

Riżultat finali spiċċa biex Manuel Muscat rebaħ din l-attività għat-tieni darba kif ukoll irreġistra l-ewwel rekord tiegħu fejn irnexxielu jagħmel 94 dawra fil-ħin ta’ siegħa. Dan kien segwit mit-tim ta’ Gordon Johnson li għalaq is-siegħa b’90 dawra filwaqt li t-tielet post intrebaħ mit-tim ta’ Magro li rreġistra 89 dawra. Fir-raba’ post spiċċa t-tim Debono li minkejja l-problemi spiċċa biex għamel 82 dawra u fil-ħames daħal it-tim ta’ Mallia u Ivan li rnexxielu jagħmel 76 dawra.

Intant l-attivitajiet tas-sajf tal-ASMK issa jkomplu fil-weekend tas-6 ta’ Settembru fejn għadd ta’ membri tal-ASMK se jagħmlu xogħol manwali u ta’ tisbiħ fid-Dar Tal-Providenza fis-Siġġiewi. 

Attività oħra b’risq il-Fondazzjoni Arka se ssir nhar l-20 u l-21 ta’ Settembru fejn se tiġi organizzata attività bil-Karozzi Autocross fis-Sannat Għawdex. Iktar dettalji joħorġu l-ġimgħa d-dieħla fuq is-sit elettroniku www.asmk.org.mt

Fi tmiem il-ġimgħa żewġ membri tal-MDRA Shawn Buttigieg u Luke Farrugia li huma liċenzjati mill-ASMK biex jikkompetu fl-FIM-Europe SuperStreet Bike Cup kellhom wirja oħra ta’ suċċess fil-korsa ta’ Santa Pod fl-Ingilterra. Bħalissa fil-klassifika ġenerali Buttigieg jinsab fit-tieni post b’punt wieħed inqas mil-leader waqt li Luke Farrugia jinsab fit-12-il post għall-fatt li ma saqx it-tiġrijiet kollha. L-Assoċjazzjoni awguratilhom kull suċċess.

More in Sports