Il-parteċipanti tal-Life Cycle jiltaqgħu ma’ Chris Agius

Fit-12-il ġurnata, 22 ċiklist se jsuqu 2,000km minn Fukuoka sa Tokjo l-Ġappun biex jiġbru flus għar-Renal Unit ta’ Mater Dei li ta’ kuljum taqdi lin-nies morda bil-kliewi.

L-Onorevoli Chris Agius flimkien mal-parteċipanti li se jieħdu sehem fil-Life Cycle
L-Onorevoli Chris Agius flimkien mal-parteċipanti li se jieħdu sehem fil-Life Cycle

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-grupp taċ-ċiklisti li din is-sena se jippruvaw l-isfida tal-Life Cycle iltaqgħu mas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius. Iż-żjara kienet waqfa qasira waqt it-taħriġ li bħalissa qed jintensifika ruħu, hekk kif ninsabu ftit ġimgħat ’il bogħod mill-avventura nnifisha. Fit-12-il ġurnata, 22 ċiklist se jsuqu 2,000km minn Fukuoka sa Tokjo l-Ġappun biex jiġbru flus għar-Renal Unit ta’ Mater Dei li ta’ kuljum taqdi lin-nies morda bil-kliewi.

Iċ-ċiklisti ddeskrivew dak li jgħaddu minnu waqt din l-avventura għaliex din mhix l-ewwel darba li bosta minn dawn l-atleti għamlu l-LifeCycle. Is-Segretarju Parlamentari Agius sema’ kif l-akbar sfidi jkunu l-għeja fiżika wara l-ammont ta’ kilometri li jaqdfu kuljum u t-temp. 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħa l-okkażjoni sabiex tkellem mal-atleti dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċiklisti fit-taħriġ. Kif jidher anke fit-toroq Maltin, l-isport taċ-ċikliżmu qiegħed kull ma jmur jiżdied. L-akbar problema tibqa’ s-sewwieqa li jixorbu u jsuqu. Minbarra hekk uħud ilmentaw fuq l-istat tal-karreġġjati taċ-ċikliżmu li f’ħafna postijiet huma ineżistenti u l-ispralli mċaqalqa li wieħed isib f’xi lokalitajiet. 

Huwa awguralhom għal din l-isfida li deħlin għaliha, filwaqt li awgura sabiex aktar persuni jkunu daqshekk altruwisti li jagħmlu atti bħal dawn sabiex jgħinu lil ħaddieħor. Ħeġġeġ lil dawk kollha li jistgħu jgħinu sabiex jagħtu d-donazzjoni tagħhom filwaqt li faħħar il-ġest altruwist li jagħmlu d-donaturi tal-organi li jagħtu xi ħaġa minn tagħhom biex itejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor.

More in Sports