Kalanċ Team u Mr Whippy fl-ewwel postijiet tal-European Drag Racing Championship

It-tim ta’ Mr Whippy rebaħ it-tellieqa fil-Finlandja, filwaqt li Kalanċ Team spiċċaw fit-tieni post fil-Finlandja u rebħu dik tal-Ġermanja.

Suċċess kbir għal Kalanċ Team u Mr Whippy
Suċċess kbir għal Kalanċ Team u Mr Whippy

Żewġ sewwieqa Maltin jinsabu bħalissa fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika tat-Top Methanol Dragster fil-kampjonat tal-FIA European Drag Racing. Dawn huma Kalanċ Team, b’karozza dragster misjuqa minn Chris Polidano u Mr Whippy, b’karozza misjuqa minn Monty Bugeja. Wara tlett itlielaq, waħda fil-Gran Brittanja, waħda fil-Finlandja u l-oħra fil-Ġermanja, Chris Polidano u Kalanċ Team għandhom 197 punt, filwaqt li Monty Bugeja u Mr Whippy għandhom 162 punt. It-tim ta’ Mr Whippy rebaħ it-tellieqa fil-Finlandja, filwaqt li Kalanċ Team spiċċaw fit-tieni post fil-Finlandja u rebħu dik tal-Ġermanja. Fl-istess kategorija jikkompetu wkoll sewwieqa mill-Ġermanja, l-Isvezja u l-Gran Brittanja. Il-fatt li l-bandiera Maltija tinsab tperper fl-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika huwa ta’ unur kbir għall-pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius riċentament iltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ Kalanċ Team u qabel ma’ rappreżentanti tat-tim ta’ Mr Whippy. Magħhom tkellem dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom f’dan l-isport, u l-aspirazzjonijiet li għandhom iż-żewġ timijiet kemm għal dan l-istaġun kif ukoll għas-snin li ġejjin. Filwaqt li awguralhom, ħeġġeġ sabiex dan l-isport li qed jagħmel tant ġieħ lil Malta jieħu post aktar prominenti fil-mezzi tax-xandir Maltin, sabiex dawk li jinteressahom dan l-isport ikunu jistgħu jsegwu l-aħħar dettalji u fl-istess ħin nirrikonoxxu l-isforzi li dawn il-Maltin qed jagħmlu barra l-pajjiż.

L-aħħar tellieqa għat-timijiet Maltin f’dan il-kampjonat tinżamm fil-Gran Brittanja fl-4 ta’ Settembru.

More in Sports