Suċċessi għal erba’ atleti żgħażagħ fl-Olimpjadi fiċ-Ċina

Erba’ atleti żgħażagħ irrappreżentaw lil Malta fit-Tieni Edizzjoni tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ li saru f’Nanjing iċ-Ċina bejn is-16 u t 28 ta’ Awwissu.

L-erba’ atleti żgħażagħ Maltin li ħadu sehem fl-Olimpjadi taż-Żgħażagħ flimkien ma’ uffiċjali oħra f’Nanjing fiċ-Ċina
L-erba’ atleti żgħażagħ Maltin li ħadu sehem fl-Olimpjadi taż-Żgħażagħ flimkien ma’ uffiċjali oħra f’Nanjing fiċ-Ċina

L-atleti huma ż-żewġ għawwiema, Julian Harding u Raoul Stafrace, it-tnejn ta’ 18-il sena, li jagħmlu parti mill-iskwadra nazzjonali tal-għawm tal-ASA - il-judoka Francesco Aufieri - li għadu ġej minn kamp ta’ taħriġ fl-Isvizzera u l-weightlifter Nicole Gatt. 

L-erba’ atleti fix-xhur li għaddew wettqu programm ta’ preparazzjoni ffinanzjat mill-Kumitat Olimpiku Malti b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet nazzjonali rispettivi.

Il-ftuħ uffiċjali tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ f’Nanjing sar nhar is-Sibt 16 ta Awwissu u l-għada daħal fl-azzjoni l-għawwiem Julian Harding meta ħa sehem fil-100 metru breast stroke filwaqt li t-Tnejn 18 ta’ Awwissu daħlu fl-azzjoni l-judoka Francesco Aufieri u l-weightlifter Nicole Gatt u t-Tlieta 19 ta’ Awwissu tellaq l-għawwiem Raoul Stafrace. 

Il-kontinġent Malti ta’ erba’ atleti mmexxi mix-chef de Mission, Mario Micallef beda l-impenji tiegħu permezz tal-għawwiem Julian Harding li fil-Heat numru 1 tal-100 metru breaststroke spiċċa fit-tielet post b’minuta 06.38 sekondi wara Andrey Pravivtsev tal-Uzbekistan b’minuta 03.99 sekondi u Jacob Nordman tal-Fillandja b’minuta 04 86 sekondi. Għawwiema minn Hong Kong u l-Kambodja spiċċaw wara Harding li fil-klassifika ġenerali temm fit-32 post fost 37 għawwiem.

L-għawwiem Malti Raoul Stafrace ħa sehem fil-100 metru freestyle u spiċċa t-tielet fil-heat numru wieħed. Huwa għamel id-distanza fi 53.45 sekondi . Fil-frazzjoni tal-50 metru huwa kien għam f’ħin ta’ 24.59 sekondi. Din il-heat intrebħet minn Patrick Canton tal-Istati Uniti qabel Collum Bain tal-Irlanda.  

Aktar qabel fit-tielet ġurnata ta’ kompetizzjoni fl-għawm fil-50 metru freestyle kien ukoll fl-azzjoni Raoul Stafrace li f’heat numru 4 spiċċa fir-raba’ post f’24.02 sekondi f’heat mirbuħa minn Javier Acevedo tal-Kanada .

Il-kontinġent Malti kien immexxi mid-Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti Mario Micallef li kien ukoll Chef de Mission tal-kontinġent .

More in Sports