Keith Galea jkompli jiddomina fit-triathlon

It-triatleta ewlieni f’Malta Keith Galea fl-azzjoni fuq ir-rota waqt parti mit-triathlon
It-triatleta ewlieni f’Malta Keith Galea fl-azzjoni fuq ir-rota waqt parti mit-triathlon

Iċ-champion ta’ Malta tat-triathlon Keith Galea bagħat messaġ ċar fit-tieni tellieqa ta’ Birkirkara St Joseph Triathlon Series, li jrid jirbaħ dan is-series għas-seba’ darba fil-karriera tiegħu b’rebħa konvinċenti. Galea ħareġ l-ewwel wieħed mill-ilma fejn għamel l-għawma ta’ 750m f’ħin ta’ 11.09 sekondi. Huwa kien segwit minn sieħbu tal-klabb Graham Borg b’10 sekondi biss.

Fl-20km tar-rota, iċ-champion beda jagħfas ħafna biex iżid il-vantaġġ tiegħu. F’dan l-istadju, Wayne Spiteri ġie f’pożizzjoni biex jiġġieled għall-post fuq il-podju grazzi għal rota b’saħħitha fejn għamel l-aħjar ħin f’ħin ta’ 33.19. Galea żied il-vantaġġ tiegħu għal 37 sekonda. Graham Borg daħal fit-tieni post u Wayne Spiteri fit-tielet post.

Iċ-champion kompla jżid il-vantaġġ tiegħu fil-ġirja fejn irnexxielu jirreġistra l-aħjar ġirja tal-ġurnata fejn għamel il-5km f’ħin ta’ 18.04 biex rebaħ is-seba’ tellieqa staġjonali tiegħu f’ħin ta’ 1.04.31. Borg spiċċa fit-tieni post f’ħin ta’ 1.06.29. Grazzi għall-ġirja tajba Fabio Spiteri rnexxielu jgħaddi lil Wayne Spiteri biex spiċċa fit-tielet post f’ħin ta’ 1.07.02.

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal Galea qal li jinsab kuntent ħafna b’din ir-rebħa. Kienet tellieqa fejn kien konsistenti l-ħin kollu u l-prestazzjoni kienet waħda tajba wkoll. Galea li huwa taħt l-iskema tal-KMS tat-20/20, xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu Garmin Malta, BBB Bike Parts, Malta Challenge Marathon, Jaycee Malta u Starbene Shop tal-Mosta, lill-Kumitat Olimpiku Malti, lill-Malta Triathlon Federation u lill-klabb tiegħu Birkirkara St Joseph Sports Club tal-appoġġ li jagħtuh.

More in Sports