“Il-futur jidher sabiħ ħafna għal San Ġiljan” – Dino Zammit

M’hemmx dubju li matul dan l-istaġun it-tim tal-kbar tal-waterpolo ta’ San Ġiljan iddiżappunta, speċjalment meta wieħed iqis ir-riżultati mill-aqwa li kiseb matul l-istaġun li għadda fejn saħansitra rnexxielu jasal biex jaffronta decider kontra l-ġirien iżda arċi-rivali Neptunes fejn finalment ħareġ tellief. 

Dino Zammit jiċċelebra r-rebħ tat-tieni kampjonat konsekuttiv mit-tim ta’ taħt l-20 sena ta’ San Ġiljan flimkien mal-captain, Keith Galea
Dino Zammit jiċċelebra r-rebħ tat-tieni kampjonat konsekuttiv mit-tim ta’ taħt l-20 sena ta’ San Ġiljan flimkien mal-captain, Keith Galea

Iżda biex ipatti għal dan id-diżappunt kien hemm it-tim ta’ taħt l-20 sena ta’ San Ġiljan li għat-tieni sena konsekuttiva rebaħ il-kampjonat u għamel dan b’disa’ rebħiet konsekuttivi u parità waħda. Dan il-ġurnal iltaqa’ mal-plejer Dino Zammit, li nafuh jilgħab ukoll mat-tim tal-kbar ta’ San Ġiljan kif ukoll mat-tim nazzjonali tal-waterpolo biex jagħtina iktar dettalji rigward l-andament ta’ dan l-istaġun għat-tim tagħhom.

Huwa saħaq li fl-aħħar sentejn it-tim ta’ San Ġiljan ta’ taħt l-20 sena wera x’futur sabiħ hemm għall-klabb Ġiljaniż. Bi plejers li diġà huma stabbiliti mal-kbar bħal Kai Dowling, Keith Galea, Andreas Galea kif ukoll urew li l-esperjenza mal-kbar tiswa ħafna meta tilgħab fil-kampjonat ta’ taħt l-20 sena. Plejers oħra bħal Ben Plumpton u Darren Zammit kienu strumentali għat-tim u taw wirja lil kulħadd li se jkunu l-plejers tal-futur għal dan il-klabb. 

“Il-kampjonat tal-kbar intilef din is-sena iżda meta tara li aħna fit-tim għandna erba’ plejers li huma fit-tim ta’ taħt l-20 sena dan mhu diżappunt xejn għax fil-futur qarib huma dawn il-plejers li se jkunu qed jilagħbu u jirbħu l-unuri. Fl-aħħar mill-aħħar jien ninsab kuntent immens li f’żewġt isjuf ma’ San Ġiljan irnexxielna nirbħu l-kampjonat id-darbtejn li huma. Inżid li rbaħna l-kampjonat ta’ din is-sena b’rebħ ta’ disa’ logħbiet konsekuttivi u parità waħda. Il-futur jidher sabiħ ħafna għal San Ġiljan!”

More in Sports