Shawn Buttigieg jirreġistra l-aħjar ħin fil-Ġermanja

Shawn Buttigieg fuq Mutur Suzuki Hayabusa 1300cc li jagħmel parti mit-tim Kalanċ Racing kompla jirreġistra iktar records

Shawn Buttigieg fl-azzjoni
Shawn Buttigieg fl-azzjoni

Fl-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi segwiet dak li kien qed jiġri ġewwa l-Korsa tad-Drag Racing f’Hockenheim fil-Ġermanja fejn l-Assoċjazzjoni għandha żewġ kompetituri Maltin liċenzjati minnha li jistgħu jieħdu sehem fil-Kampjonat FIM Europe Super Street Bike Cup.

Għal din il-kompetitzzjoni fil-Ġermanja kien hemm diversi timijiet Maltin li ħadu sehem f’kategoriji oħra li wkoll spiċċaw rebbieħa tal-ġurnata. Kalanċ Racing Team li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jirreġistra riżultati tajbin. Dan issa rreġistra rekord ġdid fil-kategorija Super Street Bike.

Intant, nagħtu ħarsa lejn x’ġara matul it-tiġrijiet kollha. Shawn Buttigieg fuq Mutur Suzuki Hayabusa 1300cc li jagħmel parti mit-tim Kalanċ Racing kompla jirreġistra iktar records. Din id-darba rreġistra l-aħjar ħin ta’ 7.213 sekondi b’veloċità ta’ 318.93 kilometri fuq distanza ta’ kwart ta’ mil. Buttigieg beda bl-ewwel ħin tiegħu ta’ 7.493 sekondi b’veloċità ta’ 306.17kph. Huwa kompla javvanza matul l-ewwel rawnd tiegħu fejn il-ħin kompla jinżel sakemm irreġistra l-aħjar ħin f’din il-kategrija. Sfortunatament Buttigieg waqa’ lura minħabba żball żgħir tekniku min-naħa tat-tim waqt is-semifinali tal-ġurnata fejn irreġistra ħin ħażin ħafna ta’ 8.027 sekondi b’veloċità ta’ 260.59km. Dan il-ħin ħalla lil Buttigieg barra mill-finali biex kienet faċli għal Mogens Lund, sewwieq mid-Danimarka jikkompeti fil-finali tal-ġurnata u għamel ħin ta’ 7.687 sekondi b’veloċità ta’ 301.62kph.

Il-finali kienet bejn is-Sewwieq Danis Mogens Lund u l-Ingliż Bradley O’Connor li ħadd minnhom ma rnexxielu jwaqqa’ l-ħin taħt dak tas-sewwieq Malti taħt is-7.213 sekondi. O’Connor rebaħ il-finali b’ħin ta’ 7.409 sekondi b’veloċità ta’ 323.64kph. Lund spiċċa fit-tieni post b’ħin ta’ 7.578 sekondi u b’veloċità ta’ 273.49kph. Is-sewwieq Malti Shawn Buttigieg għalaq il-ġurnata fit-tielet post.

Ħarsa ħafifa lejn il-klassifika ġenerali nsibu li minkejja li O’Connor sewwieq Ingliż rebaħ din il-kompetizzjoni fil-Ġermanja jinsab fil-ħames pożizzjoni tal-klassifika minħabba li dan kien l-ewwel sehem tiegħu f’dan il-kampjonat. Bħalissa wara dan ir-riżultat insibu lid-Daniż Mogens Lund fil-quċċata b’142 punt segwit mill-Malti Shawn Buttigieg b’141 punt u punt inqas minn Lund. Fit-tielet post insibu lill-Ingliż Garry Bowe b’119-il punt. Luke Farrugia li wkoll qed jikkompeti f’dan il-kampjonat minkejja li ma kkompetiex f’din l-aħħar attività, bħalissa jinsab fit-tnax-il post tal-klassifika bi 62 punt.

Dan il-Kampjonat se jkompli bejn nhar l-4 u s-7 ta’ Settembru fuq it-trakka ta’ Santa Pod fl-Ingilterra. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.asmk.org.mt 

More in Sports