“Ir-rebħ tan-knockout kien ta’ sodisfazzjon kbir” – Matthew Bonello

"Se nagħmlu l-almu tagħna biex nirbħu l-logħba li ġejja kontra Sliema"

Plejers u diriġenti ta’ Neptunes WPSC jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħ tat-22 knockout fl-istorja glorjuża tagħhom
Plejers u diriġenti ta’ Neptunes WPSC jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħ tat-22 knockout fl-istorja glorjuża tagħhom

Hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Neptunes rebħu t-22 knockout fl-istorja tagħhom, dan il-ġurnal għamel kuntatt mal-President ferm ħabrieki tal-istess klabb Matthew Bonello fejn talbu l-kummenti tiegħu rigward x’fisser dan l-unur għal dan it-tim bi storja glorjuża fil-waterpolo lokali.

Bonello afferma li “Ir-rebħ tan-knockout kien ta’ sodisfazzjon kbir, mhux biss għall-unur mirbuħ għat-22 darba fl-istorja tagħna, imma anke minħabba l-prestazzjoni mill-aqwa tat-tim fil-ġurnata, kontra r-rivali eterni, Sliema. Wara kollox, in-knockout huwa wkoll l-iktar unur importanti wara l-kampjonat, u din kienet ukoll it-tielet darba f’erba’ snin li rbaħna dan l-unur.

Din ir-rebħa timlina wkoll bil-kuraġġ għall-aħħar logħbiet tal-kampjonat, li naturalment jibqa’ t-tragward prinċipali tagħna. Għalkemm it-tim jinsab għaddej minn mument ta’ forma tajba u għandna vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb rivali Sliema, importanti ħafna li nżommu konċentrazzjoni massima u impenn sħiħ sal-aħħar. 

Se nagħmlu l-almu tagħna biex nirbħu l-logħba li ġejja kontra Sliema, li tagħtina ċ-ċertezza matematika li nirbħu dak li jkun kampjonat storiku għall-klabb tagħna u anke għall-waterpolo lokali,” temm jgħid Matthew Bonello.

More in Sports