Pulizija armati għassa mal-pazjenti

Numru ta' pulizija minn distretti differenti qed ikunu għassa fis-swali tal-Isptar Mater Dei u joħolqu tensjoni.

 

Pazjenti Libjani jitgħabbew f’ambulanza mal-wasla tagħhom f’Malta
Pazjenti Libjani jitgħabbew f’ambulanza mal-wasla tagħhom f’Malta

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna li bħalissa qed ikun hemm ordnat Pulizija fuq fixed point ma’ kull pazjent Libjan li hemm fl-ITU għalkemm kultant in-numru ta’ Pulizija jkun inqas f’ċertu ħinijiet. Il-Pulizija huma ordnati jilbsu l-bullet-proof vest kif ukoll iġorru arma fuqhom. Dawn il-pulizija qed jintbagħtu minn diversi distretti minn madwar Malta li jkompli jitfa’ aktar piż fuq id-distretti peress li f’din it-taqsima hemm nuqqas ta’ riżorsi umani.
Sorsi oħrajn qalulna li d-dehra ta’ pulizija armati u lebsin bullet-proof vest fl-ITU u fis-swali qed toħloq xi ftit tat-tensjoni. L-istess sorsi qalulna li ma jistgħux jifhmu għaliex kultant ħin qed ikun hemm pulizija ma’ kull pazjent sakemm dawn il-pazjenti mhumiex ta’ periklu jew hemm xi theddida fuq ħajjithom.

Inġiebu pazjenti Libjani b’feriti li sofrew bejn sena u sentejn ilu

Erba’ pazjenti li nġibu Malta mil-Libja bi ġrieħi gravi u li jinsabu f’qagħda kritika, għadhom qed jinżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei taħt għassa stretta filwaqt li erba’ pazjenti Libjani oħra li qed jinżammu fi swali differenti wkoll jinsabu mgħassin. 
Dawn il-pazjenti Libjani, li l-identità tagħhom għadha mhix magħrufa, jew qed jitqiesu bħala persuni li għandhom theddida fuq ħajjithom jew minħabba li mhumiex identifikati jistgħu jkunu perikolużi. 
Nifhmu li l-Awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei qed jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji bħala mezz ta’ sigurtà u għalhekk intalbet l-assistenza tal-Pulizija.

Pazjenti li nġiebu Malta
Pazjenti li nġiebu Malta

Din il-gazzetta bagħtet mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizijia biex nikkonfermaw din l-informazzjoni li waslitilna. Ir-risposta li ħadna hija li l-Korp tal-Pulizija ma jistax jagħtina risposta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. 
Sadanittant mhux il-pazjenti kollha li qed jinġiebu Malta mil-Libja huma każijiet ta’ emerġenza. Nifhmu li fost dawk li nġiebu Malta fil-jiem li għaddew kien hemm minnhom li ma kellhomx bżonn ambulanza biex jittieħdu l-isptar tant li niżlu minn fuq l-ajruplan-ambulanza jimxu normali. 

Xi pazjenti li nġiebu Malta rriżulta li kellhom feriti li sofrew bejn sena u sentejn ilu. Fil-fatt il-Gvern ħabbar uffiċjalment li s’issa ddaħħlu f’pajjiżna tmien persuni feruti li erba’ minnhom jinsabu fl-ITU, fejn tnejn minnhom f’qagħda kritika u fil-periklu tal-mewt. L-erba’ oħrajn tqassmu fi swali differenti. 
Intant l-Erbgħa ddaħlu tliet pazjenti oħrajn mil-Libja, li tnejn minnhom inħarġu mill-isptar ftit wara li ġew eżaminati. Dwar dawn ma ntqalx fejn qed jinżammu u s’issa mhux magħruf jekk dawn humiex taħt għassa tal-Pulizija wkoll. L-aħħar żewġ pazjenti li waslu Malta daħlu lbieraħ filgħaxija. 

 

 

More in Sports