Jibda l-programm ‘Summer on the Move’

Summer on the Move, il-programm sportiv tal-Kunsill Malti għall-Isport beda iktar kmieni matul din il-ġimgħa b’rekord ta’ ’l fuq minn 3,500 parteċipant.

Il-programm qed ikun offrut fil-kumplessi sportivi tal-KMS propju f’dawk tal-Kottonera, Kirkop u tal-Qroqq, kif ukoll fl-iskejjel tal-Mosta u tas-Siġġiewi. Huma diversi d-dixxiplini sportivi offruti f’dan il-programm, fejn jibqgħu l-iżjed popolari l-għawm, il-ġinnastika, il-basketball u l-futbol. Għal din l-edizzjoni, il-Kunsill Malti għall-Isport ħaseb biex għall-ewwel darba, joffri l-programm tal-karting matul il-ġimgħa. 

Il-programm Summer on the Move huwa mfassal b’tali mod biex dawk il-ġenituri li jwasslu lit-tfal fid-diversi ċentri, jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi ddisinjati apposta għalihom. Hemm diversi programmi għall-adulti minn fejn wieħed jista’ jagħżel f’kull ħin tal-ġurnata u fiċ-ċentri kollha tal-Kunsill. Dawn il-programmi huma popolari ħafna u jvarjaw minn għawm, zumba, għal Tai Chi u ħafna oħrajn.

Din is-sena ġew ukoll riveduti l-prezzijiet biex dejjem ikunu vantaġġjużi speċjalment għal dawk li jridu jużaw is-servizz il-ġimgħa kollha. Il-programm se jibqa’ għaddej sal-5 ta’ Settembru 2014.

Din hija l-11-il edizzjoni ta’ dan il-programm li fih jistgħu jipparteċipaw tfal, żgħażagħ u adulti minn 4 snin ’il fuq. Għal dan il-programm qed ikunu utilizzati 200 kowċ speċjalizzat li qed jieħdu ħsieb li jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lil kull parteċipant. L-għan prinċipali ta’ dan il-programm hu li l-parteċipanti jitħarrġu u jgħixu ħajja aktar sana.

Minħabba din il-parteċipazzjoni qawwija fil-Pixxina Nazzjonali, ħafna mil-lanes qed ikunu meħudin mit-tfal ta’ Summer on the Move, għalhekk il-Kunsill Malti għall-Isport ħaseb biex jestendi s-sigħat għall-membri tiegħu tal-programm 60+. Fil-fatt issa l-ħin ġie estiz min-nofsinhar sal-4pm, biex għalhekk min ikun irrid jibbukkja għandu iżjed flessibiltà. Il-ħinijiet tal-programm 60+ huma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mit-8am sal-4pm. 

Il-Kunsill Malti għall-Isport dejjem jara kif joffri l-aħjar servizz lill-klijenti tiegħu u dan jixhdu s-suċċess kbir li kellu fl-ewwel jum, il-programm Summer on the Move.

More in Sports