Numru ta’ proġetti minn Fun Fit Friends

Fun Fit Friends, jew kif inhu magħruf, fff, huwa inizjattiva fil-qasam tal-isport u l-fitness li rat il-bidu tagħha fl-2009. Illum fil-ħames sena tagħha, tara numru ta’ proġetti żgħar differenti mnedija minn numru ta’ professjonisti fil-qasam. 

Immexxija minn Renzo Kerr-Cumbo, lecturer tal-Isport fl-MCAST u l-Università ta’ Malta, UEFA A Coach u gradwat b’B.Ed fl-Edukazzjoni Fiżika u b’Masters fil-kowċing minn Loughborough University, fff tgawdi mill-kontribut ta’ professjonisti varji. Fil-fatt ġewwa ċ-ċentru fid-dar ta’ San Ġużepp ġewwa Santa Venera jseħħu classes tal-fitness bħal Zumba, Circuit Training, Pilates u Cross Fit u anke Personal Training. Il-Malta Self Defence Academy tħaddan programm tas-Self Defence u ieħor tal-Kung Fu li jibqa’ għaddej is-sena kollha. Barra minn dan fl-istess post jiġi offrut servizz ta’ fiżjoterapija għall-persuni ġenerali, u anki servizz ta’ fiżjoterapija għall-atleti. Madankollu fff joffru anki servizz ta’ attivitajiet sportivi jew fiżiċi għall-kumpaniji u għal skejjel fejn kemm il-ħaddiema u l-istudenti jistgħu jgawdu minn ambjent differenti f’attivitajiet differenti minn tas-soltu. 

Fl-aħħar ġimgħat ġie mniedi programm ġdid imsejjaħ DAP (Developing Athletes Performance) li huwa maħsub sabiex l-atleti żgħar u ikbar fl-età jiġu mħarrġa b’mod speċifiku sabiex itejbu l-fiżika tagħhom għall-bżonnijiet tal-isport partikolari li jħaddnu. F’dan il-programm diġà rajna interess kbir, fejn klabbs bħal Tarxien Rainbows FC diġà bdew iħaddmu dan il-programm mat-tfal tan-nursery tagħhom kemm subien u kemm bniet. Interess qawwi jidher ġej minn klabbs oħrajn, li bħalissa għaddejjin f’diskussjonijiet għall-istaġun li ġej. Barra minn hekk atleti varji minn etajiet li jvarjaw bejn l-10 snin u l-35 sena, fuq rikjesta individwali qegħdin jitolbu lill-esperti fi ħdan dan il-programm sabiex jgħinuhom itejbu l-fiżika tagħhom. Atleti li ħerġin minn xi operazzjoni ta’ natura sportiva, u atleti oħra li jħossu li hemm spazju fejn itejbu l-fiżika tagħhom, qegħdin igawdu minn sessjonijiet b’attenzjoni individwali. 

Min ikollu bżonn iktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lil Renzo Kerr-Cumbo fuq [email protected] jew 79617913. 

More in Sports