Il-KOM u l-MFA isellmu l-memorja tal-Imħallef Gino Camilleri

Il-President u l-Bord tal-Diretturi tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), ingħaqdu mal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali tal-isport affiljati billi wasslu l-kondoljanzi lill-familja Camilleri wara li nhar il-Ħadd tħabbret il-mewt tal-Imħallef Gino Camilleri li għal bosta snin kellu rabta qawwija mal-isport b’mod partikolari mal-Kumitat Olimpiku Malti li tiegħu kien President bejn l-1989 u l-1999.

L-eks Imħallef, il-mibki Gino Camilleri
L-eks Imħallef, il-mibki Gino Camilleri

L-Imħallef Camilleri għal bosta snin kien President kemm tal-Amateur Swimming Association kif ukoll tal-Malta Squash Association minbarra rabtiet oħra ma’ għadd ta’ għaqdiet nazzjonali tal-isport.

Il-Kumitat Olimpiku Malti sellem lill-Imħallef Gino Camilleri li għal bosta persuni kien dejjem sors ta’ referenza fir-rigward l-amministrazzjoni tal-isport l-aktar f’mument meta fil-perjodu tiegħu ta’ presidenza tal-Kumitat Olimpiku Malti l-isport f’pajjiżna beda fażi ta’ żvilupp.

Intant, il-Malta Football Association uriet ukoll sogħba għall-mewt tal-Imħallef Gino Camilleri, missier Dr Adrian Camilleri, il-Prosekutur tal-Assoċjazzjoni.

Hija saħqet li matul is-snin, l-Imħallef Camilleri kien Chairman u Membru ta’ diversi Bordijiet u Kumitati fl-MFA. Hu kien ukoll Chairman tal-Kumitat Olimpiku Malti u membru attiv f’diversi assoċjazzjonijiet sportivi oħra.

L-Imħallef Gino Camilleri jibqa’ mfakkar bħala persuna eżemplari u retta fir-responsabbiltajiet kollha li kellu matul ħajtu. 

L-MFA bagħtet il-kondoljanzi profondi tagħha lill-familja Camilleri f’mument daqstant diffiċli. 

More in Sports