Il-futsal jilħaq livell qawwi ta’ popolarità f’pajjiżna

F’dawn l-aħħar sentejn, il-Futsal Malta Association bdiet it-triq biex tilħaq miri ġodda.

Il-logo uffiċjali tal-FMA
Il-logo uffiċjali tal-FMA
Plejers ta’ Qormi FC jiċċelebraw wara li rnexxielhom isibu x-xibka
Plejers ta’ Qormi FC jiċċelebraw wara li rnexxielhom isibu x-xibka
Azzjoni mill-konfront bejn Balzan u Luxol St Andrews (Ritratt - Joe Borg)
Azzjoni mill-konfront bejn Balzan u Luxol St Andrews (Ritratt - Joe Borg)

Il-logħba tal-futsal f’Malta laħqet livell ta’ popolarità qawwi f’dawn l-aħħar snin speċjalment meta l-Malta Football Association (MFA) għarrfet lill-FMA (Futsal Malta Association) bħala assoċjazzjoni membru fi ħdanha u li l-iskop prinċipali li għalih twaqqfet huwa propju dak li jorganizza l-kompetizzjonijiet nazzjonali tal-futsal f’pajjiżna, jippromwovi l-isport u joħloq l-istrutturi neċessarji biex il-klabbs tal-futsal jorganizzaw ruħhom aħjar u jieħdu sehem fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni permezz tal-Kunsill.

F’dawn l-aħħar sentejn, il-Futsal Malta Association (FMA) taħt it-tmexxija tal-President Donald Spiteri, mgħejjun minn kumitat żgħir imma ħabrieki, beda t-triq biex jilħaq dawn il-miri. 

Dan l-aħħar, ġie elett kumitat ġdid fi ħdan l-assoċjazzjoni tal-futsal lokali, bil-Perit Mark Borg jiġi elett bħala President b’vot qawwi favur mill-kunsilliera. Mark Borg li anke serva bħala Viċi President taħt l-amministrazzjoni ta’ Donald Spiteri, kellu biss tifħir għall-predeċessur tiegħu u saħaq li kien biss għall-persważjoni u l-enerġija ta’ Spiteri li l-assoċjazzjoni setgħet tasal fejn waslet illum. Ir-riforma li kienet seħħet sentejn ilu kienet tat dimensjoni aktar professjonali għat-tmexxija tal-futsal u ġabet magħha qabża notevoli fil-kwalità tal-logħba. Huwa magħruf li Donald Spiteri ntalab personalment mis-suċċessur tiegħu sabiex jibqa’ jirrappreżenta lill-FMA fil-Kunsill tal-Malta Football Association filwaqt li ġie nnominat bħala President Onorarju tal-assoċjazzjoni. F’dawn l-elezzjonijiet reġgħu ġew ikkonfermati Manuel Fenech bħala Segretarju Ġenerali u Vanessa Darmanin bħala Teżorier. Alfred Camilleri ġie elett għall-ewwel darba bħala Viċi President.

Il-President il-ġdid faħħar ukoll lill-membri sħabu tal-kumitat u rringrazzjahom għax-xogħol volontarju tagħhom, fosthom lil-eks Segretarju Ġenerali Alex Falzon u dak preżenti Manuel Fenech u lit-Teżoriera Vanessa Darmanin. Awgura wkoll lil Alfred Camilleri għall-kariga ġdida tiegħu bħala Viċi President.

Borg sostna li kien wasal iż-żmien li l-assoċjazzjoni filwaqt li tħares ’il quddiem b’viżjoni aktar miftuħa, tħares ukoll lura u tibda evalwazzjoni serja ta’ dawk il-fatturi li setgħu ma ħadmux tajjeb u għalhekk tipproponi tiġdid. Ewlenin fost dawn il-punti, hemm ir-rabta preżenti mal-klabbs membri tal-MFA, titjib amministrattiv, tiġdid tal-istatut u r-regolamenti tal-logħba u affarijiet oħra. Din ir-reviżjoni trid issir f’ambitu ta’ diskussjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha. Mark Borg żied jgħid li l-assoċjazzjoni qiegħda wkoll f’taħdidiet mad-dipartiment tar-referees sabiex tikkolabora ma’ dan is-settur importanti għall-iżvilupp tal-logħba. Ma’ dan sar ukoll aċċenn għall-miżuri aktar ħorox fejn tidħol is-sigurtà tal-uffiċjali tal-logħba fid-dawl ta’ inċidenti li seħħew riċentament.

Barra minn hekk, il-President il-ġdid identifika proġetti ġodda, bl-introduzzjoni tal-futsal fl-iskejjel primarji u fost iż-żgħażagħ. Għal dan il-għan il-kumitat il-ġdid diġà kellu laqgħat mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, fejn ġiet identifikata l-possibbiltà li l-FMA taħdem id f’id mal-Isports Promotion Unit sabiex titkattar il-popolarità tal-logħba. F’diskussjonijet separati mal-Kunsill Malti għall-Isport, l-FMA ressqet l-ilmenti tagħha rigward in-nuqqas ta’ opportunitatijiet għall-klabbs tagħha sabiex dawn ikunu jistgħu jitħarrġu fil-kumplessi sportivi tal-KMS b’rati sussidjati. 

Fl-aħħar tal-indirizz tiegħu lill-Kunsill, il-President il-ġdid awgura lill-kunsilliera kollha sabiex jipparteċipaw fid-diskussjonijiet b’mod attiv u kif ukoll jaħdmu aktar biex ireġġgħu lura r-rispett fil-logħba. 

Intant, f’lagħqa tal-Kunsill li saret ftit tal-jiem ilu, intlaħaq qbil unanimu fuq il-format tal-kampjonat għall-istaġun li ġej, kif ukoll tfasslet struttura għall-istaġuni prospettivi. 23 tim se jieħdu sehem fil-kampjonat li ġej, b’għaxar timijiet fid-Diviżjoni Premier u l-kumplament fl-Ewwel Diviżjoni. Is-Super Cup se tintlagħab fl-24 ta’ Settembru bejn Balzan FC u Luxol St Andrews.

Il-parteċipanti għall-istaġun 2014/15:

PREMIER: Balzan FC, Luxol St. Andrews, Ħamrun Spartans, Qormi FC, Mosta FC, Swieqi FC, Valletta Utd, Gżira Utd, Żebbuġ Rangers, Żurrieq FC.

FIRST: Luqa St. Andrews, Mdina Knights, Lija Athletics, Fgura Utd, Mellieħa FC, Msida St. Joseph, Siġġiewi FC, Mqabba FC, Qrendi FC, Sirens, Attard, Naxxar Lions, B’Bugia FC.

More in Sports